Frank Portelli, kandidat għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, u t-tmexxija tal-partit bħalissa jinsabu f’konfront dirett bejniethom wara li Frank Portelli mhux qed iżomm lura milli jikkritika bl-aħrax u fil-miftuħ it-tmexxija ta’ Simon Busuttil u dawk ta’ madwaru.
Permezz ta’ Facebook u anke fl-istediniet skedati li qed ikun hemm għal kull kandidat, Portelli qed ikun ċar kristall u l-kritika tiegħu tixbah lil dik ta’ kritiċi ewlenin tal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar snin, saħansitra dik tal-Partit Laburista. Fuq ir-radju fl-aħħar jiem fi programm fejn ma ttiħdux telefonati, Portelli qal: “Ilna nirrepetu l-istess żbalji mill-2009… Ġiet l-elezzjoni tal-2009 u qlajna tkaxkira, għax in-nies kienu tawna l-aħħar ċans.”
Tkellem fuq l-attitudni supperva tal-Partit Nazzjonalista u qal li: “Ħadd mhu għar-rimi. Il-partit irid jagħmel paċi ma’ dawk ta’ rieda tajba.” Jekk ma jagħmilx hekk għal Portelli l-Partit Nazzjonalista jintemm. “Se niġu bħad-dinosawri, nispiċċaw fix-xejn,” qal Portelli li ma darx mal-lewża meta ġie biex jitkellem dwar suġġetti partikolari.
“Aħna qed nikkritikaw lid-DB Group,” qal Portelli li fakkar kif filwaqt li l-PN kien kontra d-deal tal-ITS il-Viċi Kap tiegħu nnegozjah. “Dan l-avukat li qiegħed magħna qed imur jinnegozja, issa jien jistgħu jivvutawli jew le. Għaliex tlifna? Għax tlifna l-kredibbiltà. Ma jistax ikollna xi ħadd parti minn dan il-partit u jmur jinnegozja mal-gvern. Jien kont ktibt lil Simon Busuttil,” żied Portelli li fost il-ħafna żbalji jsemmi t-taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-karozzi. “Kellna t-taxxa fuq il-karozzi u aħna ma nammettux li għamilna żball. 16,000 ruħ kien hemm min dawn,” qal Portelli li attakka wkoll il-koalizzjoni mal-Partit Demokratiku.
“Tlifna siġġijiet għal partit ieħor. Irridu ngħidu dik hi l-verità,” stqarr il-kandidat għat-tmexxija li għamilha ċara wkoll kif jaħsibha dwar dik li Simon Busuttil għamilha parti ċentrali mill-kampanja tiegħu. Mingħajr ma semmieha b’isimha, dwar Daphne Caruana Galizia, Frank Portelli qal: “M’għandniex nassoċjaw ruħna ma nies li jiktbu blogs li jweġġgħu lin-nies. Ma tistax tweġġa’ lil xi ħadd apposta jew tassoċja ruħek miegħu. Għidli ma’ min tagħmilha u ngħidlek x’int. Aħseb u ara kemm se mmur mass meeting u nikkwota lil din il-persuna.”
It-tmexxija tal-PN xejn ma hi kuntenta b’dan l-aġir ta’ Frank Portelli li ħalef li ħadd mhu se jagħlaqlu ħalqu.