In-nies ta’ madwar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, huma diżappuntanti ferm bil-mod kif żviluppaw l-affarijiet fl-attivitajiet tal-Indipendenza u l-attendenzi fihom.
Fl-aħħar jiem Bernard Grech ġie konvint li, biex ikollu folla bħalma kien ikollu Lawrence Gonzi u sa ċertu punt anke Simon Busuttil, kellu jsejjaħ lil Robert Metsola biex titkellem fil-mass meeting.
U Grech dan iċ-ċans ħadu. Iżda lanqas laħaq ħabbarha, li ma bediex jiġi umiljat.
In-nies li jaħdmu għal Metsola, inkluż bir-riżorsi li għandha fir-rwol li tokkupa, għamlu sforz kbir biex jiġbdu n-nies għad-diskors tagħha. Saħansitra membri ewlenin ta’ kumitat sezzjonali u anke ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista bdew ixerrdu ritratt tagħha waħedha, u mhux tal-Kap, bil-għan li n-nies titħajjar tattendi.
Iżda fl-Istamperija qed jgħidu li l-Kap issa nduna li dan kien kollu għalxejn, għax filwaqt li fi Pjazza Tritoni mċekkna ma kellux il-folla li xtaq, in-nies fil-Partit ħadmuh biex hu jieħu t-tieni preċedenza wara l-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit tiegħu.
Dawn qed isostnu li l-uniku riżultat kien li hu ġie umiljat b’nies fil-folla li tqabbdu jxerju quddiemu ritratti ta’ Roberta Metsola, inkluż waqt li kien qed jitkellem hu.
Aktar minn hekk, dawk li kkonvinċewh ikun hu li jħabbar mat-Times of Malta li kienet se titkellem Metsola, daqslikieku kien sar is-segretarju organizzattiv tal-partit, indunaw l-isforz li sar biex anke fir-rapportaġġ tal-meeting il-Kap jingħata t-tieni preċedenza. Dawn il-manuvri żiedu u mhux naqsu l-inkwiet fil-Partit Nazzjonalista wara l-festi tal-Indipendenza.
Għarqan xraba wara d-diskors tiegħu, Bernard Grech daħal lura minn fuq il-palk mċekken iżjed milli daħal.
Mhux tant għax Metsola għamlet id-differenza li fil-Partit ħasbu li kienet se tagħmel, iżda għax intebaħ li ta’ madwaru ħadmuh mill-bidu sal-aħħar.
Dan wassal biex fl-aħħar sigħat in-nies tiegħu bdew jibgħatu messaġġi interni li min jaħseb li l-problema hu biss hu, issa għandu jibda jifhem li dan mhuwiex il-każ. Dan għax qed jgħidu li dak li ppretendew ħafna fil-Partit Nazzjonalista fil-fatt ma seħħx.
U f’dan kollu hemm jogħrku idejhom in-nies ta’ Adrian Delia, konxji sew minn xiex għaddew lill-Kap tagħhom mal-mument li ħa l-kariga u kif, biex kissru lilu, spiċċaw kissru partit. Illum lkoll jgħidu li Bernard Grech qed jinqela f’żejtu.