Il-Kummissjoni Ewropea approvat it-talba ta’ Malta biex jiżdied l-ammont massimu ta’ ħut li jista’ jidħol fl-irziezet tat-tonn f’Malta għall-istaġun tat-tonn 2021.
Il-Ministeru għas-Sajd spjega li din tagħti nifs ġdid lis-settur tat-tonn, li hu settur importanti ħafna għal pajjiżna, speċjalment f’dawn iż-żminijiet diffiċli.
Dan ifisser li ż-żieda approvata hi ta’ 1,474 tunnellata, li twassal għal massimu ta’ 10,260 tunnellata ta’ ħut li jista’ jidħol fl-irziezet tat-tonn f’Malta għall-istaġun li ġej.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni Maltija tal-Produtturi tal-Akwakultura, Charlon Gouder esprima s-sodisfazzjoni tiegħu għal din l-aħbar pożittiva għas-settur. Spjega wkoll li fl-2020 l-industrija Maltija ġġenerat mal-kwazi €185 miljun f’esportazzjoni liema esportazzjoni issa huwa stmat li tiżboq l-€210 miljun fl-aħħar tal-2021.
Huwa stqarr: “Meta tqis li permezz ta’ dan it-tkabbir, permezz ta’ din iż-żieda se tkun qed tfisser żieda fl-esportazzjoni ta’ madwar 15%, ekwivalenti għal €25miljun f’termini ta’ export mill-pajjiż, lejn pajjiżi oħrajn barra minn Malta bla dubju ta’ xejn din timliena b’kuraġġ fi żminijiet mhux faċli bħalma huwa żmien il-pandemija.
Il-Ministru Anton Refalo wera s-sodisfazzjon tiegħu għal din id-deċiżjoni u spjega li dan hu ċertifikat li Malta qiegħda tagħmel xogħolha tajjeb wara perjodu diffiċli ħafna għal dan is-settur.
Saħaq li l-Gvern hu kommess ikompli bir-riforma pożittiva li qed issir fid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura sabiex tiġi assigurata l-implimentazzjoni ta’ prattiċi tajba ta’ kontroll u infurzar fir-rispett tal-liġijiet Maltin u Ewropej, għall-ġid u s-sostenibbiltà tas-settur.