Fl-isptarijiet ta’ pajjiżna hemm tliet pazjenti biss li huma pożittivi għall-Covid-19.
Dan qalitu s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci fil-buLlettin mediku ta’ kull ġimgħa, fejn spjegat li bħalissa hemm persuna fl-ITU li hija rikoverata, persuna oħra fl-IDU u pazjent ieħor li jinsab f’sala apposta tal-Covid-19 f’Mater Dei.
Dwar is-sitwazzjoni tal-programm ta’ vaċċinazzjoni ta’ pajjiżna, il-Professur Gauci qalet li 96% tal-persuni li għandhom 60 sena jew aktar, 79% ta’ dawk li għandhom bejn il-50 u 59 sena, 73% ta’ persuni fl-età ta’ 40-49 sena, 62% tal-etajiet ta’ 30-39 u 41% ta’ dawk fl-età ta’ 16 u 29 sena ħadu l-ewwel doża tal-vaċċin.
Intant, għal ġimgħa oħra ma kien hemm l-ebda każ pożittiv irreġistrat fid-djar tal-anzjani f’Malta u f’Għawdex.
Fil-bullettin mediku, il-Professur Gauci qalet li din il-ġimgħa kien hemm ħdax-il każ impurtat, żewġ każijiet li ġew irreġistrati f’Għawdex u li l-etajiet ta’ dawk pożittivi kienu bejn wieħed u ieħor ta’ 25 u 44 sena.