Forsi ftit jafu li huma l-Ispiżjara u l-Pharmacy Technicians tal-Isptar Mater Dei li jippreparaw il-kimoterapija li tingħata prinċiparjament fil-vina, lil mijiet ta’ nies morda bil-kanċer.
F’taqsima apposta fl-ispiżerija tal-isptar ewlieni, hemm dak li jissejjaħ il- ‘Compounding Unit’, fejn jitħallat u jsir dan it-trattament, li sfortunatament ħafna jiġu bżonnu waqt il-battalja kontra l-kanċer.
Mhux kull pazjent jieħu l-istess trattament jew dożi u għalhekk, l-Ispiżjara, b’apparat modern u f’ambjent attrezzat apposta li jikkontrolla l-kontaminazzjoni, iħejju trattament speċifiku skont il-bżonnijiet individwali ta’ kull pazjent.
Ftit jiem wara li tħabbar kif ċertu pazjenti se jibdew jieħdu t-trattament tal-kimoterapija fil-vina minn ġo darhom stess, ONE NEWS żar din it-taqsima biex jifhem eżatt kif jaħdem il-proċess.
Qabel ma dħalna fit-taqsima, kemm il-ġurnalist kif ukoll il-cameraperson tal-istazzjon kellhom jilbsu l-ilbies protettiv u ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha daqs li kieku kienu l-ħaddiema infushom.
Hemmhekk stajna ninnutaw is-serjetà kbira li teżisti biex ħadd ma jikkontamina l-faċilità jew l-apparat mediku li jintuża f’dan il-proċess.
F’ambjent mill-aktar professjonali, segwejna l-proċess tal-Ispiżjara u l-Pharmacy Technicians fit-taħlita tal-kimoterapija.
L-Ispiżjara Christianne Mizzi spjegatilna pass pass, il-proċess delikat li eventwalment iwassal biex it-trattament jasal għand il-pazjent.
Illum nistgħu ngħidu li t-trattament mhux biss jista’ jingħata fis-swali tal-isptar, iżda l-pazjenti jistgħu jieħdu din il-kura speċjalizzata fil-kumdità ta’ darhom.
Qalet, “L-ewwel ma jsir tiġi ċċekjata min-naħa tal-ispiżjara r-riċetta min-naħa tal-Isptar tal-Onkoliġija, eventwalment il-kimoterapija tiġi ppreparata fil-pompa ġewwa l-isolators. Dawn jintużaw biex jipproteġu l-kimika u tipproteġi lill-ispiżjar u l-pharamcy technicians li jkunu qed jippreparawha. Meta jkun lest jiġi mgħoddi għand spiżjar ieħor li jivverifika li t-trattament li ġie ppreparat huwa tajjeb u eventwalment jiġi ppreparat ġo boroż apposta u jiġi trasportat għall-iswali fejn jiġi mqabbad mal-pazjent li jkun jista’ jintbagħat id-dar fil-kumdità ta’ daru biex it-trattament jingħata fuq jumejn.”
Fil-‘Compounding Unit’ tkellimna wkoll mal-Pharmacy Technician Sarah Cassar li spjegat kif apparti l-kimoterapija, huma jippreparaw mediċini oħra li ma ssibhomx lesti fis-suq.
Qalet, “Aħna nippreparaw mediċina li inti ma ssibix fis-suq allura l-pazjent se jiġi moqdi xorta waħda. L-ispiżjara u l-pharmacy technicians f’dan il-unit, apparti kimoterapija jippreparaw ukoll nutrijenti għat-trabi ġol-vina, ingwenti, qtar tal-għajnejn, misturi u qratas b’formolazzjoni sigura għall-pazjent biex eventwalment jieħu t-trattament meħtieġ.”
Is-servizz ta’ kimoterapija fid-dar beda jingħata lill-ewwel pazjenta fil-jiem li għaddew u għalissa se jkunu grupp ta’ 12-il pazjent li jibbenefikaw mis-servizz tal-kimoterapija f’darhom. Hu maħsub li dan is-servizz jiġi estiż aktar ’il quddiem.
Intant, fi żmien il-pandemija, din it-taqsima fid-Direttorat tal-Farmaċija fl-Isptar Mater Dei kienet strumentali biex issir it-taħlita tal-vaċċin kontra l-COVID 19 fuq livell nazzjonali.