Waqt żjara fl-Islovakkja, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela kellu diversi diskussjonijiet dwar il-kunċett tal-anzjanità attiva u l-ħarsien u l-kura tal-anzjani fost oħrajn.
Fil-mawra tiegħu fir-reġjun ta’ Banská Bystrica, il-Ministru Abela ltaqa’ mal-President tar-reġjun Ondrej Lunter fejn ġie diskuss il-proġett ta’ Assistive Tracking Devices u l-istrateġija li qed tintuża f’dan ir-reġjun favur l-anzjani fil-komunità.
Il-Ministru Abela semma kif f’pajjiżna tnediet konsultazzjoni pubblika biex tiġi introdotta sistema ta’ Assistive Tracing Devices li tgħin l-anzjani li jkunu jridu jibqgħu jgħixu fil-komunità u fl-istess waqt ikun hemm xi ħadd li jista’ jgħin u jassisti fi ftit ħin f’każ ta’ emerġenza.
Il-Ministru Jo Etienne Abela temm iż-żjara tiegħu fi Bratislava b’laqgħa mal-Ministru Slovakka Soña Gaborcakov, fejn ġew diskussi temi ta’ interess komuni għaż-żewġ pajjiżi f’dak li għandu x’jaqsam mal-kura tal-anzjani. B’mod speċjali dwar id-dimensja u kif bl-ideat u l-viżjoni taż-żewġ pajjiżi, tista’ titjieb il-kwalità ta’ ħajjet nies bid-dimensja.
Abela spjega li pajjiżna huwa komess li jkomplu jaħdem biex titjieb l-kwalità tal-ħajja fis-settur tal-anzjanita’ attiva. F’din iż-żjara il-Ministru kien akkumpanjat mill-Ambaxxatur Malti fl-Islovakja Dr Simon Cachia u s-Segretarju Permanenti Christine Schembri.