Il-Gvern Ingliż ħabbar li l-ilbies tal-maskri se jsir obligatorju fi skejjel sekondarji, dan bil-għan li jitnaqqas it-tixrid tal-varjant Omicron.
Din hija miżura temporanja li se tiddaħħal bil-ħsieb li l-iskejjel jibqgħu miftuħa.
Sitt unjins Ingliżi li jirrappreżentaw lill-għalliema talbu biex tittieħed azzjoni mmedjata biex jitnaqqas it-tixrid tal-virus.
Fil-fatt, wissew ukoll li jekk ma jittieħdux aktar miżuri, jaf jiġu affetwati l-eżamijiet li se jibdew daqt.
L-iskejjel se jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom wara l-vaganzi tal-Milied, u apparti l-ilbies tal-maskri, l-istudenti se jkunu qed jiġu ttestjati għall-Covid-19 fl-iskejjel stess.
Intant, fil-miżuri l-ġodda li ħabbar il-Gvern ta’ Boris Johnson ilbieraħ, l-għalliema mhumiex obbligati li jilbsu l-maskri.
L-Ingilterra kien l-uniku post mir-Renju Unit kollu li l-ilbies tal-maskri fl-iskejjel ma kienx obbligatorju.