F’intervent telefoniku l-Ħadd filgħodu fuq ONE Radio, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem b’mod ċar dwar l-immigrazzjoni u qal li fl-interess ta’ pajjiżna, il-Gvern mhux se jħalli jqum preċedent.
Il-Prim Ministru spjega kif inhi s-sitwazzjoni dwar il-kwistjoni taż-żewġ bastimenti – Sea Watch 3 u Professor Albrecht Penck li ġew rifjutati mill-Italja:
“Li s-salvataġġ dwarhom sar f’żoni li m’humiex ta’ kompetenza Maltija, jiġifieri la konna aħna li qed nikkordinaw, la ntlabna aħna biex nagħtu d-direzzjonijiet u la konna aħna l-postijiet, il-post fejn kellhom jinġabu dawn il-persuni.”
Il-Prim Ministru spjega kif għalkemm Malta ma kellha x’taqsam xejn mal-operazzjoni ta’ dawn iż-żewġ bastimenti, tat permess biex b’disgħa u erbgħin immigrant abbord fuqhom jitħallew jistkennu viċin il-kosta Maltija.
Dr. Muscat kien ċar fil-messaġġ tiegħu u saħaq li Malta – l-iżgħar stat membru, ma tistax taċċetta kull dgħajsa jew bastiment salvat fil-Mediterran.
“Imma ma jistax ikun illi jkun hemm dgħajsa li tiġi salvata fil-Mediterran, ngħidu isma’ fejn ħa mmorru? Ma jridna ħadd mela ħa mmorru Malta. Hemm hekk kulħadd jiddaħħal. Le ma tistax tagħmel hekk.”
Il-Prim Ministru għamel argument leġittimu, bl-interess nazzjonali quddiemu.
“Kif jista’ jkun li ħaddieħor jagħlaq il-portijiet, kif jista’ jkun li jkun hemm NGOs li jaqbdu jagħmlu ta’ rashom, imbagħad Malta trid tħallas il-kont ta’ dawn l-affarijiet kollha? Le hekk mhux ħa naħdmu.”
Huwa qal li Malta timxi b’koerenza u toqgħod attenta biex ma jqumx preċedent. Fuq kollox, Dr. Muscat saħaq li hu jrid joħloq bilanċ bejn il-ħarsien tal-ħajja umana u s-sigurtà nazzjonali.
“U fl-aħħar mill-aħħar u din hija ċara għax meta ġiet għad-deċiżjoni ta’ nies li qegħdin jergħqu, kważi ta’ 250 persuna dawn salvajnihom. Irrid naraw dawn is-sebgħin ruħ fuq din id-dgħajsa wkoll ikollhom, ikunu trattati bl-aħjar mod possibli. Fl-aħħar mill-aħħar ukoll illi b’dak illi nagħmlu ma nġibx lil pajjiż u s-sigurtà ta’ pajjiżi under threat.”
Intant, il-Prim Ministru tkellem fuq il-kisbiet tas-sena li għaddiet u b’ottimiżmu liema bħalu, saħaq li din is-sena se nkomplu niksbu iżjed suċċess.
Dan għaliex fi kliemu l-Gvern għandu riċetta li jkompli jwettaq il-bidla u ma jikkuntentax b’dak li kiseb s’issa iżda jrid li jinħoloq iżjed ġid.
“Is-sena li għaddiet kienet suċċess għaliex ma kkuntentajniex ruħna b’dak li ksibna fuq is-sena ta’ qabel u komplejna nbiddlu. Din is-sena l-istess mhux ħa nikkuntentaw ruħna bir-riżultati fil-fehma mhux biss tiegħi imma fil-fehma ġenerali ta’ ħafna familji u ta’ ħafna negozji. Ħa nkompli nirriformaw il-pajjiż.”