Il-Maġistrat Gabriella Vella, li mexxiet l-inkjesta tal-isptarijiet fuq perjodu ta’ ħames snin, approvat il-ħlas lill-esperti ta’ rċevuti li wkoll kienu jkopru biss ftit minuti.
Waqt li awtomatikament jitqanqal dubji serji kemm seta’ qatt isir xogħol f’dan il-ħin mill-esperti, dan juri biss iżjed indikazzjonijiet kemm l-esperti, immexxija mill-Irlandiż Jeremy Harbinson, kellhom il-barka biex jagħmlu li jridu u kif kollox tħalla jgħaddi.
Fuq ir-rapport konklussiv tal-esperti, tressqu akkużi kontra numru ta’ persuni u kumpaniji fl-aħħar xhur.
Dan ikompli jgħaqqad fis-sitwazzjoni redikola tal-Qorti li rriżultat din l-inkjesta, li swietna €11-il miljun, wara sensiela ta’ ħlasijiet abbużivi u kontra l-istandards internazzjonali u l-linji-gwida tal-Kunsill tal-Ewropa.
Jirriżulta lil ONE News li ċertu Barry O’Donnell, wieħed mill-esperti mqabbdin mill-kumpanija ta’ Harbinson bħala kap tal-accountants forensiċi, irreġistra xogħlu ta’ siegħa jew inqas f’20 rċevuta minn 28 okkażjoni fejn tfaċċa ismu.
Fi 11-il minnhom lanqas ikkontribwixxa nofs siegħa xogħol kull waħda fejn għandu wkoll okkażjoni fejn iddikjara 12-il minuta biss. Minkejja dan, tħallas xorta waħda kull darba.
Preċiżjoni kbira, forsi għax, kif iddikjara Harbinson stess, l-esperti mqabbdin kienu kummerċjali f’kollox.
Minkejja dan, li ma jingħadx hu x’seta’ qatt ikkontribwixxa dan l-espert fi ftit minuti, anke għax, kif diġà rrapportat b’mod estensiv minn ONE News, l-irċevuti ma joffru l-ebda dettalji tax-xogħlijiet imwettqa, kontra kull prassi ta’ governanza tajba u trasparenza.
Mhux ta’ b’xejn, li aktar ma jgħaddu jiem u aktar ma joħorġu stejjer dwar din l-inkjesta, qed tiżviluppa f’sitwazzjoni tad-daħq jekk mhux tal-biki. Sitwazzjoni li rredikolat l-istituzzjoni tal-qrati tagħna, hekk kif ħadd, lanqas il-maġistrat inkwirenti, ma jidher iċċekkja jew talab xi kjarifiki f’dan ir-rigward.
U jekk tħalla għaddej dan iż-żufjett bil-Qorti f’affarijiet simili, aħseb u ara kemm seta’ għadda kollox fil-kontenut tar-rapport fih innifsu.