Il-Gvern Ingliż qed jikkunsidra li jsaħħaħ il-liġijiet tas-sigurtà hekk kif rapport li sar mill-Membri Parlamentari juri li l-Gvern ma tax daqstant importanza fuq it-theddida ta’ interferenza Russa fir-Renju Unit.
Sorsi qrib Downing Street sostnew illi bħalissa l-Gvern qed jikkunsidra li jdaħħal liġi li tgħid li aġenti barranin għandhom jirreġistraw lilhom infushom fir-Renju Unit.
Madankollu, għad ma hemm xejn konkret biex jiġi indirizzat dan in-nuqqas ta’ sigurtà.
Matul il-jum tal-Erbgħa, il-Gvern se jkun qed jaffaċja mistoqsijiet b’rabta ma’ din il-kwistjoni. Ix-Shadow Minister għall-affarijiet Interni, Nick Thomas-Symonds wissa li din it-theddida mir-Russja m’għandhiex tiġi injorata.
Huwa żied jgħid illi l-Gvern Ingliż falla milli jipprovdi għodod leġiżlattivi jew riżorsi meħtieġa sabiex jiddefendi l-interessti tal-pajjiż.