Ir-ribelli konservattivi u l-membri tal-oppożizzjoni rebħu vot kontra l-Gvern Ingliż biex jippruvaw jgħaddu liġi mill-Parlament li twaqqaf lir-Renju Unit milli joħroġ mill-Unjoni Ewropea bla ftehim.
Wara diskussjoni urġenti fil-House of Commons li damet għaddejja aktar minn tliet sigħat, b’maġġoranza ta’ 328 vot, kontra 301, il-vot intrebaħ biex il-grupp ikun jista’ jieħu l-kontroll tal-aġenda Parlamentari.
Dan ifisser li b’maġġoranza ta’ 27 vot, il-Membri Parlamentari ribelli se jkunu jistgħu jressqu abbozz ta’ liġi biex Brexit ma jseħħx jekk mhux bi ftehim, u għaldaqstant il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea jista’ jiġi pospost għal wara il-31 t’Ottubru jekk ma jkunx hemm ftehim.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu wara dan l-iżvilupp, il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson qal li se jressaq mozzjoni biex isejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija.
Min-naħa tiegħu, il-mexxej tal-Partit Laburista Ingliż Jeremy Corbyn insista li l-abbozz għandu jgħaddu mill-Parlament qabel isseħħ elezzjoni.