L-art esproprjata għal-link il-ġdida għal SmartCity se titnaqqas b’żewġ terzi mill-proposta ta’ qabel l-2013.
Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt l-inawgurazzjoni tal-kumpless fi SmartCity, bl-isem ta’ Shoreline.
Ix-xogħlijiet fuq dan il-kumpless tax-xiri twettqu fl-aħħar sentejn. Dan qed jospita 44 ħanut, fosthom dawk tal-ħwejjeġ ta’ ditti magħrufa, flimkien ma’ postijiet ta’ divertiment, restoranti varji, supermarket u spiżerija.
Il-kumpless se jinkludi franchise internazzjonali ta’ divertiment għall-familja kollha, fejn tfal u żgħażagħ ta’ kull età jsibu dak kollu li jixtiequ, bħal logħob virtwali kif ukoll attivitajiet oħrajn u avventuri.
Hekk kif inawgura dan il-kumpless mill-isbaħ il-Ġimgħa filgħaxija, il-Prim Ministru tenna kif dan l-investiment massiċċ jixhed il-fiduċja tal-investituri f’pajjiżna u l-ekonomija tiegħu.
B’hekk Dr Abela tenna li l-Gvern se jkompli jikkumplimenta din il-fiduċja b’aktar għajnuna u inċentivi għan-negozji biex ikomplu jtejbu l-operat tagħhom, filwaqt li jkompli jkun garantit ambjent ekonomiku stabbli u li joffri ċertezza b’qafas ekonomiku robust.
Qal, “L-inċentiv primarju li żammejna l-kontijiet tal-enerġija stabbli, nibqa’ konvint, kien katalista biex ħafna negozji, u hawnhekk, għandek investitur, li seta’ jagħżel li jinvesti madwar il-bqija tad-dinja, però għażel lil pajjiżna, għaliex? Għax pajjiżna joffri ċertezza, joffri klima politika stabbli, joffri stabbilità lin-negozji.”
Madankollu l-Prim Ministru Robert Abela rrimarka kif kruċjali għal dan hi infrastruttura b’saħħitha, li twassal għal aktar aċċessibbiltà u li tgħin issostni l-investiment u l-kwalità tal-ħajja.
Fil-fatt, kien hawn li l-Prim Ministru semma l-link ġdida permezz ta’ triq lejn Smart City bħala eżempju.
Dwar dan, Dr Abela spjega li l-Gvern se jkun qed inaqqas l-art esproprjata b’żewġ terzi mill-proposta, li kienet saret qabel l-2013, biex ikun jista’ jagħmel din l-istess triq.
Fil-pjani ta’ qabel l-2013 kienu se jiġu esproprjati tmienja u għoxrin elf metru kwadru ta’ art. Iżda fil-pjani l-ġodda t’issa se jkun hemm bżonn mat-80% inqas proprjetà ta’ terzi, li ħafna minnha hi art agrikola.
Qal, “L-ammont ta’ art li se tiġi meħuda, biex ikun jista’ jsir l-investiment infrastrutturali, se jkun ta’ terz ta’ dak li kien proġettat li jittieħed qabel l-2013. Ħafna minn dak li kien proġettat li jittieħed qabel l-2013, kien jikkonsisti f’art agrikola. Illum se nkunu qed nieħdu terz ta’ dak li kien prospettat dakinhar.”
Hekk kif ġie biex itemm id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru tenna li Gvern, immexxi minnu, iħaddan kompletament il-potenzjal li toffri SmartCity, madankollu jibqa’ sod fil-pożizzjoni tiegħu favur il-preservazzjoni ambjentali.
Dr Abela temm fakkar fl-impenn u d-determinazzjoni tal-Gvern li jittrasforma n-Nofsinhar tal-pajjiż f’reġjun aktar imfittex mill-familji Maltin u Għawdxin, billi joħloq ambjent dinamiku li jiġbor fih il-prinċipju tas-sostenibbiltà, il-progress u l-kultura rikka li joffri pajjiżna.