B’investiment massiċċ ta’ sbatax-il miljun ewro, il-Gvern ħabbar proġett ġdid li se jiswa mitqlu deheb għal żgħażagħ b’imġiba diffiċli.
Se tinbena faċilità state of the art li se tilqa’ fiha erbgħa u għoxrin minuri li jew ikollhom sentenza l-Qorti jew inkella juru diffikultajiet fl-imġiba u emozzjonijiet tagħhom.
Din il-faċilità se tinbena fuq xejn inqas minn ħmistax-il tomna ta’ art, li huma biss ftit iktar minn erbgħa minnhom li se jiġu żviluppati, għaliex il-kumplament se jkunu spazji miftuħa li jħeġġu l-attività fiżika, l-isport u l-kuntatt man-natura.
Se jkun hemm erba’ blokok b’sitt appartamenti kull wieħed u l-kmamar se jkunu mibnija b’tali mod li jassiguraw is-saħħa u s-sigurtà taż-żgħażagħ li jevitawlhom kull periklu.
L-infrastruttura tal-post hija mmirata li tiffaċilita l-proċess ta’ riforma fiż-żgħażagħ u tgħinnhom jemmnu fihom infushom filwaqt li tkattar fihom sens ta’ responsabbiltà u dixxiplina.
Il-binja se tinkorpora fiha l-element kruċjali tas-sigurtà kemm fuq ġewwa u anki fuq barra, minn fejn se jingħataw servizzi psikoloġiċi u soċjali minn tim multidixxiplinarju ta’ professjonisti erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali, Michael Falzon qal li dan il-proġett, li huwa wegħda elettorali, se jkun wieħed mill-akbar proġetti soċjali ta’ kull Gvern, ma’ żgħażagħ li għalkemm ikunu żbaljaw ma jfissirx li jiġu kkundannati għal għomorhom.