€15,000.
Din hija s-somma li offra Christian Vella, biex jerfa’ l-vara titulari ta’ Santa Marija, fil-festa tal-Imġarr.
Minkejja li din it-tradizzjoni tmur lura mija u sena, din hija t-tieni darba li Vella ħa sehem f’dan l-irkant, u l-ewwel darba li kiseb l-unur li jerfa’ l-vara.
Fl-ewwel kummenti tiegħu, quddiem folla numeruża li nġabret, huwa esprima s-sodisfazzjon u l-ferħ tiegħu, hekk kif din kienet xi ħaġa li minn dejjem xtaq.
Qal, “It-tieni sena li dħalna għaliha, tfisser ħafna, ħafna. Mumenti importanti ħafna għalina llejla. Konna jien u ħabib tiegħi, li tkellima u bdejna ngħaqqdu t-tim, u rnexxielna naslu għal ġurnata importanti tal-lum, biex nerfgħu lill-Madonna.”
Il-Kappillan Fr. George Schembri, spjega s-sinfikat ta’ din it-tradizzjoni għar-raħal tal-Imġarr, u żied jgħid li l-flus miġbura ma jmorrux biss għall-parroċċa, iżda jgħinu wkoll għaqdiet ta’ karità.
Qal, “Ilha ssir mija u wieħed. Għaldaqstant, naraw mill-istorja tagħha, x’ġenerożità kbira kellhom l-Imġarrin bl-għaraq ta’ ġbinhom, li bnew knisja, tawna l-istatwa ta’ Santa Marija, u ħafna drabi wkoll, minjaf kemm gawdew familji fil-bżonn, minħabba dawn l-għotjiet.”