Bejn il-Ħamis 19 u l-Ħadd 22 ta’ Lulju ser tiġi organizzata edizzjoni oħra tal-Festival Internazzjonali Malti tal-Ikel – ċelebrazzjoni kulinari tal-aqwa kċejjen minn madwar id-dinja.
L-edizzjoni ta’ din is-sena mistennija tkun l-ikbar edizzjoni fl-aħħar snin. Opportunita sabiex wieħed jaqsam il-passjoni tiegħu għall-ikel filwaqt li jduq l-ifjen platti minn għadd ta’ pajjiżi minn madwar id-Dinja, inkluż il-platt Malti.
Din is-sena Heritage Malta ser tkun qiegħdha żżewwaq il-gastronomija Maltija mal-istorja ta’ pajjiżna. Minkejja ċ-ċokon tiegħu pajjiżna għandu storja kulinjarja interessanti ħafna, partikolarment fil-perjodu fejn Malta kienet maħkuma mill-Kavallieri ta’ San Ġwann.
F’dan il-perjodu Malta bdiet tara għall-ewwel darba għadd ta’ platti interessanti fosthom il-ġelat, iċ-ċikkulata u għadd ta’ platti mgħamula miċ-ċiċri.
Iċ-ċiċri kienet ħaxixa versatili ħafna, ma tiswiex daqstant flus biex tikkultiva u għandha sors ta’ protejini qawwi. Għaldaqstant din kienet ħaxixa ta’ importanza għall-Kavallieri li kienu jużawha f’diversi platti.
Lejn xi battalja jew assedju Fis-seklu 18 jingħad li l-Kavallieri kienu jgħabbu l-galeri tagħhom b’madwar 3700 KG ta’ ċiċri u mhux l-ewwel darba li meta l-provista tonqos kienu jduru għal xi galera tal-furbana li tispiċċa vittma tal-qawwa tal-Kavallieri.
Fost l-aktar platti popolari bit-tqiq taċ-ċiċri kienet il-“Farinata” – It-tqiq taċ-ċiċri kien jitħallat ma’ ftit ilma, jiżdied miegħu ftit żejt taż-żebbuġa u tissaħħan fil-fran. Dan kienet platt bnin u tajjeb għas-saħħa u li miegħu setgħu iħaltu kwalinkwe ingredjent, simieli għall-pizza ta’ illum il-ġurnata.
Il-farinta ser tkun il-platt ewlieni f’waħda mill-kċejjen waqt il- Festival Internazzjonali Malti tal-Ikel. Heritage Malta flimkien ma’ impreditur lokali ser tkun qiegħdha ddewwaq dan il-platt storiku li għal okkazzjoni ser ikun mgħamul minn ċiċir ta’ Malta.
Id-dħul għal din l-attivita’ ser ikun b’xejn. Servizz ta’ Park & Ride ser jigi offrut minn Triq l-Infetti r-Rabat matul l-erbgħat ijiem.
L-Ikel tradizzjonali Malti flimkien ma’ ikel ieħor minn 12-il pajjiż differenti tistgħu idduquh waqt il-Festival Internazzjonali Malti tal-Ikel ser jitella l-Ħamis 19 ta’ Lulju, il-Ġimgħa 20 ta’ Lulju, is-Sibt 21 ta’ Lulju u l-Ħadd 22 ta’ Lulju mis-sitta ta’ filgħaxija ‘il quddiem fil-Foss tal-Imdina.
Aktar informazzjoni fuq www.facebook.com/maltafoodfestival/