Filwaqt li Malta għadha għaddeja tiddiskuti jekk kellniex immorru aħjar bid-diska Walk On Water, fl-ilma erġajna ħriġna bl-unuri. It-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo rebaħ l-EU Nations Waterpolo Cup, kompetizzjoni ta’ livell tajjeb ħafna. Il-plejers ta’ Karl Izzo reġgħu wrew xi jsarrfu meta fil-finali għelbu lill-Afrika ta’ Isfel bl-iskor ta’ 14 bi 13 f’logħba li kienet waħda mill-iktar kombattuta.
F’kumment ma’ one.com.mt il-kowċ Karl Izzo qal li din “kienet rebħa sofferta, iżda meritata.”
“Hija rebħa sinjifikanti meta tqis li dan huwa tim ġdid u trid tiftakar lil l-Afrika ta’ Isfel huwa tim b’saħħtu ħafna li jieħu sehem fil-kampjonati tad-dinja. Il-plejers taw qalbhom. Kuntent ħafna,” issokta jgħid b’ton ta’ bniedem mill-iktar sodisfatt. Fuq kollox qal li minkejja li biddel il-grupp għandu għażla tajba għax il-kampjonat qed jitjieb u l-plejers qed jissaħħu. “Kelli plejers ta’ taħt id-dsatax –il sena u għalhekk hemm futur. Nisperaw li nibqgħu naħdmu biex il-waterpolo jkun l-isport nazzjonali Malti,” temm jgħid Izzo.