L-andament turistiku f’Għawdex fil-jiem tal-Għid il-Kbir kien pożittiv ferm u l-aħjar għal din il-gżira minn mindu faqggħet il-pandemija sentejn ilu.
Ikkonferma dan il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, Joe Muscat, li f’kumment ma’ ONE News ta ċifri inkoraġġanti tal-okkupanza fid-diversi postijiet ta’ akkomodazzjoni f’Għawdex.
Joe Muscat qal, “Din il-ġimgħa tal-Għid l-andament turistiku f’Għawdex kien forsi l-aħjar f’dawn l-aħħar snin illi ilna għaddejjin bil-pandemija, fejn l-okkupanza ġewwa l-akkomodazzjoni f’Għawdex kienet qed tvarja minn 85 fil-mija għal 90 fil-mija.”
Joe Muscat qal kif s’issa għadhom ma ntlaħqux il-livelli turistiċi għolja ferm ta’ qabel il-pandemija, partikolarment tas-sena elfejn u dsatax, iżda kollox juri li issa l-qasam turistiku f’Għawdex miexi ’l quddiem u fid-direzzjoni t-tajba.
Mistoqsi dwar kif bħala assoċjazzjoni turistika qed iħarsu lejn l-istaġun tas-sajf, Joe Muscat qal kif l-indikazzjonijiet huma pożittivi u li Għawdex mistenni jerġa’ jara influss ta’ turisti li jaqsmu l-fliegu biex jitpaxxew bis-sbuħija li taf toffri l-gżira tat-tliet għoljiet.
Huwa spjega, “L-indikazzjonijiet illi għandna huma li s-sajf jidher li se jkun perjodu movimentat ħafna, fejn qed ikollna ħafna requests li huma inkoraġġanti ħafna. L-istabbilimenti b’mod speċjali tal-akkomodazzjoni qed iwasslulna dawn ir-rapporti illi jidher li ser ikun sajf li jkun qabad it-triq ta’ rkupru tas-settur turistiku fil-gżira Għawdxija wara sentejn ta’ pandemija.”