L-avvenimenti bilwieqfa jistgħu jibdew isiru mill-għaxra t’April.
Meta kien qed jitkellem dwar is-sitwazzjoni tal-pandemija f’pajjiżna, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne qal li ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Ħadd il-Palm u attivitajiet oħra marbuta mal-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-Kbir, se jkunu jistgħu jsiru b’mod normali nhar il-Ħadd, għaxra t’April.
Dan wara li l-Kurja avviċinat lill-awtoritajiet tas-saħħa biex il-miżura li kienet se tiġi rilaxxata fil-ħdax t’April, tidħol fis-seħħ jum qabel.
Minn dakinhar ukoll, l-attivitajiet bilwieqfa fuq ġewwa jistgħu jilqgħu biss nies imlaqqma.
Fakkar ukoll li kif diġà mħabbar, mill-ewwel t’April, it-tiġijiet jistgħu jilqgħu sa tliet mitt ruħ bilwieqfa.
Mill-erbatax ta’ Marzu, il-maskri f’postijiet pubbliċi fuq barra jistgħu jitneħħew ħlief għall-attivitajiet tal-massa, filwaqt li mis-sebgħa ta’ Marzu se jonqos il-perjodu ta’ kwarantina.