Fl-ewwel żjara tiegħu barra minn Malta minn mindu reġa’ ġie kkonfermat bħala l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech għażel li jitkellem kontra pajjiżu stess. F’Rotterdam, l-Olanda, huwa pprova joskura isem Malta billi jallega li s-saltna tad-Dritt f’pajjiżna qed titmermer.
Bernard Grech kien qed jindirizza l-kungress tal-Partit Popolari Ewropew, partit ċentru-lemini Ewropew li l-Partit Nazzjonalista huwa membru tiegħu.
Skont dak li qal Bernard Grech lill-Partit Popolari Ewropew, dak li qed jiġri f’Malta huwa ta’ theddida għall-Unjoni Ewropea.
Qal, “In the smallest Member State, institutional failings mount a real threat to the well-being of the European Union.”
Quddiem il-fatt li, fl-investigazzjonijiet dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, l-awtoritajiet Maltin komplew mexjin ’il quddiem – tant li ġiet issentenzjata persuna l-ħabs fuq l-involviment tagħha fil-qtil u tressqu aktar persuni akkużati, fost l-oħrajn, li fornew il-bomba – Bernard Grech deherlu li, barra minn Malta, kellu jattakka lil pajjiżna u jgħid li għadna ma tajniex każ tal-omiċidju brutali li seħħ.
Stqarr, “May we, may we be swift in learning from a brutal lesson that our Government in Malta has unfortunately yet to heed: that of the assassination of Daphne Caruana Galizia.”
Id-diskors ta’ Bernard Grech barra minn Malta sar ftit jiem wara laqgħat li delegazzjoni tal-kumitat tal-Parlament Ewropew għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja, u l-Intern kellha f’Malta. Filwaqt li kkritika xi aspetti, dan il-Kumitat innota l-bosta riformi li saru f’Malta favur it-tisħiħ fis-saltna tad-Dritt u l-governanza tajba.
Fost l-oħrajn, dan il-Kumitat tal-Parlament Ewropew faħħar l-operat tal-Financial Intelligence Analysis Unit (l-FIAU), kif din it-taqsima ġiet mgħammra b’iżjed riżorsi; riżorsi li qed iħallu l-frott fil-prosekuzzjoni ta’ każijiet dwar kriminalità finanzjarja.
Dan apparti li, f’dawn l-aħħar jiem, rapport tal-Grupp ta’ Pajjiżi Kontra l-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, magħruf bħala l-GRECO, innota kif Malta wettqet jew qed twettaq il-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet favur it-tisħiħ tas-saltna tad-Dritt.
Barra minn dan, f’ittra li ġiet żvelata mill-midja, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, kitbet lill-Prim Ministru Malti Robert Abela u faħħret ir-riformi li qed isiru f’pajjiżna.
Hija rrikonoxxiet li ħafna mill-konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ġew jew qed jiġu indirizzati.
Meta kien l-Olanda għall-kungress tal-Partit Popolari Ewropew, Bernard Grech kellu laqgħa wkoll ma’ Manfred Weber, il-President tal-Partit Popolari Ewropew.
Grech sejjaħ lil Weber – dak li ħa lil Simon Busuttil bħala assistent tiegħu – bħala ħabib ta’ Malta. L-istess Simon Busuttil, li fl-aħħar jiem ta palata lil Bernard Grech wara li ġie kkonfermat Kap u ddikjara li l-Partit Laburista huwa l-problema f’Malta, kien fil-laqgħa bejn Grech u Weber. Preżenti kien hemm ukoll David Casa.