Fl-ewwel xhur ta’ din is-sena pajjiżna attira seba’ produzzjonijiet ġodda tal-films li se jkunu qed iħallu miljuni ta’ ewro fl-ekonomija tal-pajjiż u jiġġeneraw ukoll eluf t’impjiegi ta’ kwalità.
Waqt li kien qed jipparteċipa f’laqgħat mal-ħaddiema u nies involuti fl-industrija tal-films f’pajjiżna, il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal li dawn il-laqgħat qegħdin isiru hekk kif bħala kummissjoni tal-films qed taħdem biex f’Malta ikun hawn industrija li taħdem matul is-sena kollha, u mhux waħda staġjonali.
Qal, “Permezz tal-programm tagħna Opportunity for All bħalissa ninsabu għadejjin b’sensiela ta’ laqgħat mal-crew u dipartimenti li jaħdmu f’din l-indistrija. B’hekk insaħħu dan il-prodott u jkollna industrija sostenibbli li biha jgawdi kulħadd”
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li l-Gvern huwa kommess sabiex ikompli jinvesti fil-faċilitajiet offruti mill-Malta Film Studios u tenna li waqt l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, din l-industrija ġġenerat mat-18-il miljun ewro.
Wara li s-sena elfejn u għoxrin ħalliet effett fuq din l-industrija speċjalment f’Għawdex, din is-sena mistennija jinġibdu wkoll żewġ produzzjonijiet differenti fil-gżira Għawdxija li bejniethom se jiġġeneraw mal-erba’ miljun ewro.