Ix-xahar li għadda kien hemm żieda ta’ aktar minn tnejn u erbgħin elf (42,000) fin-numru ta’ passiġġieri li użaw is-servizz tal-ferries mill-Kottonera għall-Belt u anke minn Tas-Sliema għall-Belt. Dan ħareġ minn ċifri uffiċjali ppubblikati mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, fuq il-midja soċjali.
Ċifri addizzjonali, li għandu f’idejh ONE News, juru li fil-fatt, fi Frar li għadda, aktar minn mija u sebat elef passiġġier għamlu użu miż-żewġ traġitti. Dan meta, fl-istess xahar sena ilu, l-għadd ta’ passiġġieri kien jgħodd għal ftit aktar minn ħamsa u sittin elf passiġġier.
Jirriżulta li, fl-ewwel xahar sħiħ mindu s-servizz beda jingħata b’xejn lil min għandu t-Tallinja Card, Frar li għadda ra kważi erbgħa u ħamsin elf passiġġier li rikbu fuq ir-rotta bejn il-Kottonera u l-Belt, u viċi versa.
Dan filwaqt li fl-istess xahar sena qabel għaddew ftit aktar minn tletin elf passiġġier, li jfisser żieda ta’ aktar minn tlieta u għoxrin elf passiġġier.
Dan filwaqt li l-passiġġieri bejn Tas-Sliema u l-Belt Valletta u viċi versa, ukoll żdiedu b’aktar minn tmintax-il elf, meta mqabbel ma’ sena qabel. Fi Frar li għadda, użaw dan it-traġitt kważi erbgħa u ħamsin elf passiġġier, waqt li, fl-istess xahar is-sena l-oħra, kien hemm mal-ħamsa u tletin elf passiġġier.
Sadanittant, meta jitqabbel Frar li għadda ma’ xahar qabel, joħroġ li ż-żieda kienet ta’ iżjed minn tmienja u tletin elf passiġġier, anke jekk id-deċiżjoni li l-vjaġġi jsiru b’xejn fil-portijiet ġiet attwata f’nofs l-istess l-ewwel xahar ta’ din is-sena.
Dwar dan ONE News ħa r-reazzjoni tal-Ministru responsabbli Chris Bonett.
“Illi nistgħu nesploraw verament possibbiltajiet tat-trasport alternattiv fil-pajjiż, jiġifieri bħalma ġie mħabbar diġà qed isiru ferry landings ġodda. Jiġifieri l-idea tagħna fil-manifest elettorali nżidu dwan ir-rotot fiż-żmien li ġej u naħseb wasal iż-żmien li nibdew naraw il-mod kif nistgħu nivvjaġġaw alternattiv, anke bejn Malta, wasal iż-żmien li naraw kif dawn id-dgħajjes ngħaqqduhom mat-trasport pubbliku. Id-diskussjonijiet twal, hemm pjan li jrid isir, però jrid ikun pjan serju u pjan li jwassalna fejn irridu naslu.”