Aktar minn 42,000 passiġġier użaw is-servizz ġdid tal-Fast Ferry bejn Malta u Għawdex.
Dan tħabbar f’konferenza tal-Gvern fit-terminal tal-Belt.
Preżenti għal din il-konferenza attendew il-Ministru għat-Trasport Ian Borg flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, is-Sur Joseph Bugeja.
Fil-fatt, is-Sur Bugeja spjega kif minn mindu tnieda dan is-servizz fl-ewwel ta’ Ġunju, 42,406 passiġġieri diġà użaw is-servizz tal-Fast Ferry.
Huwa qalilna, “Meta tara li wara l-ewwel xahar irreġistrajna aktar minn 42,000 passiġġier u aktar minn 1000 vjaġġ tal-katamaran bejn Malta u Għawdex huwa inkoraġġanti biex inkomplu ninvestu u nkabbru din il-konnettività.”
Il-Ministru Ian Borg tenna kif dawn in-numri jixhdu kemm kien meħtieġ is-servizz u s-suċċess tiegħu mindu tnieda.
Fakkar ukoll kif ma’ dan is-servizz ġew introdotti servizzi oħrajn sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għalih. Fost dawn hemm ir-rotot ġodda ta’ Tal-Linja, 300 u X133.
Tenna wkoll il-ħidma tal-Gvern li jibqa’ jżid il-mezzi tal-ivvjaġġar. Mezzi li saħansitra jkunu nofda u li jħarsu l-ambjent ta’ madwarna.
Il-Ministru Borg sostna: “Aħna qegħdin dejjem nikkunsidraw li nżidu iżjed mezzi alternattivi ta’ trasport kif nivvjaġġaw u mezzi nodfa kif intqal ilbieraħ fil-Parlament minn dak li rnexxielu jinnegozja l-Prim Ministru u l-Gvern Malti mal-Unjoni Ewropea fuq il-finanzjament ta’ rkupru wara l-pandemija, ħa jkun ammont konsiderevoli għal trasport nadif, nelettrifikaw il-flotta tat-trasport pubbliku, il-flotta privata jiġifieri n-nies jieħdu iżjed grants ħalli jibdlu l-vetturi tagħhom u xejn inqas infrastruttura marittima li tippermettilna iktar konnettivitajiet u servizzi bħal dak li għandna hawnhekk.”