Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, l-għadd ta’ negozji, li rrapportaw titjib f’dan il-perjodu żdied għal 47% minn 35% meta mqabbel mal-aħħar tliet xhur tal-2023. Kollox ma’ kollox, il-kundizzjonijiet kienu aktar pożittivi fil-biċċa l-kbira tas-setturi ekonomiċi.
Dan ħareġ waqt l‑aħħar djalogu bejn il‑Bank Ċentrali ta’ Malta u għadd ta’ kumpaniji mhux finanzjarji.
Jirriżulta wkoll li, fl-istess ħin, naqsu l-kumpaniji li rrapportaw żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni. Fil-fatt, minn 60% li kienu qalu dan bejn Ottubru u Diċembru li għaddew, issa bejn Jannar u Marzu kienu 42% tal-ażjendi li rrapportaw li żdiedu l-prezzijiet tal-produzzjoni tagħhom.
F’dan il-perjodu bdiet tapplika l-miżura ‘Stabbiltà’ mill-bidu ta’ Frar li għadda, fejn aktar minn 400 prodott essenzjali tal-ikel traħħsu bi 15% fuq Ottubru ta’ qabel u se jibqgħu stabbli sal-baġit li ġej. Dan fl-istess ħin li n-negozji, bħal kulħadd, komplew igawdu mill-akbar sussidji fil-prezzijiet tal-enerġija, inkluż fil-kontijiet tad-dawl u l-fuels.
F’dan ir-rigward, il-proporzjon nett tan-negozji, li rrapportaw prezzijiet tal‑bejgħ ogħla, kien fil-livell ta’ 34% fl-ewwel kwart tal-2024, tnaqqis ta’ sittax-il punt perċentwali mill-kwart preċedenti.
L-għadd tan-negozji, li qed jippjanaw li jinvestu aktar, żdied ukoll għal 36% minn 10% bejn Ottubru u Diċembru, waqt li dawk li qed jippjanaw li jżidu l-impjegati żdiedu b’żewġ punti perċentwali għal 42%, anke jekk urew tħassib dwar in-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet.
L-analiżi tal-Bank Ċentrali stħarrġet ukoll jekk il-kumpaniji humiex intiżi dwar l-impatt potenzjali tal-inklużjoni tal-miżuri tat-trasport marittimu mill-Unjoni Ewropea, fejn madwar 36% tan-negozji qalu li qed jistennew impatt dirett fuq l-operat tagħhom.