Il-wasliet tal-immigranti f’pajjiżna fl-ewwel tliet xhur tas-sena, naqsu b’erbgħa u disgħin fil-mija, meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.
Fil-fatt, bejn Jannar u Marzu li għadda, daħlu Malta 65 immigrant, b’kuntrast għall-ewwel tliet xhur tas-sena l-oħra, meta daħlu 1,135 immigrant f’pajjiżna.
Dan ifisser differenza ta’ 1,070 immigrant.
Dan ħareġ f’rapport tal-aġenzija tar-refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri semma kemm kienet kruċjali l-ħidma kontinwa tal-Gvern f’dan il-qasam.
Huwa qal, “Dan ma wasalx b’kumbinazzjoni, dan sar għaliex bħala Gvern Malti ħdimna mill-viċin ħafna, kemm mal-Gvern Libjan u anke mal-awtoritajiet Libjani sabiex naraw illi jiġu miġġielda l-kuntrabandisti tal-bnedmin. Però dan ma jistax iserrħilna rasna biex xi mod jiggarantixxi li dawn in-numri se jibqgħu baxxi. Għandna l-obbligu li nibqgħu naħdmu mal-awtoritajiet Libjani sabiex naraw li kemm jista’ jkun nibqgħu niġġieldu l-kuntrabandisti u jkun hemm nuqqas fil-wasliet tan-nuqqas ta’ immigranti f’pajjiżna.”
Ir-rapport juri kif il-maġġoranza tal-immigranti li waslu Malta din is-sena huma rġiel. Ftit aktar minn kwart huma tfal, filwaqt li persentaġġ żgħir huma nisa.