Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, aktar minn ħames mija u sebgħin persuna applikaw għall-miżura tal-Budget tal-pjanċi ħomor, li permezz tagħhom, is-sidien tal-karozzi iħallsu biss ħamsa u tletin fil-mija fuq il-ħlas tal-liċenzja tagħhom.
Din l-iskema hija parti mill-miżuri tal-budget għal din is-sena, li se jsarrfu f’tarġa oħra li se iwassal għall-viżjoni ċara ta’ dan il-Gvern favur trasport aktar sostenibbli.
Id-Direttur Uffiċjali ta’ Transport Malta, Pierre Montebello spjega li din il-miżura ntlaqgħet tajjeb ħafna fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, anke fi sfond li żdied iċ-ċans li wieħed jaħdem mid-dar flok imur fuq il-post tax-xogħol.
Qal, “Bħala skema kienet popolari immens, fejn fil-fatt qegħdin naraw li f’dawn l-ewwel ftit xhur tas-sena fil-fatt kien hemm aktar minn ħames mija u sebgħin applikazzjoni biex vetturi jinqelbulhom il-plates għal dawk ħomor.”
Permezz ta’ din l-iskema is-sidien kollha ta’ vetturi liċenzjati, jistgħu japplikaw biex il-vetturi tagħhom ikunu liċenzjati għall-użu fi tmiem il-ġimgħa u festi pubbliċi biss u b’hekk igawdu minn tnaqqis ta’ ħamsa u sittin fil-mija fuq il-ħlas annwali tal-liċenzja tat-triq.
B’hekk sidien ta’ vetturi li jgawdu minn din l-iskema għandhom jkollhom il-pjanċi tar-reġistrazzjoni tagħhom mibdula b’oħrajn li jkollhom marka ta’ reġistrazzjoni ħamra.
Id-Direttur Uffiċjali spjega li dawn il-vetturi li jkollhom dawn il-pjanċi għandhom jibqgħu fil-garaxx bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa u jinħarġu biss fi tmiem il-ġimgħa u fil-festi pubbliċi.
Spjega, “Vetturi jistgħu jintużaw mill-Ġimgħa fis-sitta ta’ filgħaxija ’il quddiem, sal-aħħar tal-weekend. Fil-jiem li oħra iridu jkunu iggaraxxjati. Din l-iskema tara ukoll li l-ħlasijiet relatati mal-liċenzja taċ-ċirkolazzjoni jitnaqqsu b’ħamsa u sittin fil-mija.”
Pierre Montebello spjega li wieħed jista’ japplika għal din il-miżura billi iniżżel il-formolarju minn fuq is-sit uffiċjali ta’ Transport Malta u jimla id-dettalji neċessarji.
Qal, “Jiġu biha hawnhekk Ħal Lija jew il-bqija Raħal Ġdid, fl-uffiċini tagħna ta’ Transport Malta. Iġibu magħhom il-lockbook, il-plates is-suwed biex niftehmu u l-ħlas biex ikollhom il-plates ġodda.”