Fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, Transport Malta ħarġet kważi sittax-il elf u sitt mitt kontravenzjoni tat-traffiku, b’aktar minn elfejn minnhom inħarġu għal vetturi b’Y-plates.
Dan ħareġ minn informazzjoni li tat Transport Malta, fi stqarrija, fejn intqal li l-awtorità kompliet tintensifika l-ħidma tagħha lejn aktar infurzar fit-toroq.
Minn din l-informazzjoni ħareġ ukoll li f’dan il-perjodu, kważi sitt mitt vettura ġew ikkonfiskati, inkluż escooters.
Dan filwaqt li Transport Malta għenet kważi ħamest elef vettura bi rmonk matul is-sena skolastika.
Apparti minn hekk, l-awtorità imponiet ukoll ħlasijiet amministrattivi fuq vetturi Y-plate, li jammontaw għal aktar minn tlett elef.
F’din l-istqarrija, il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Jonathan Borg qal li s-sigurtà fit-toroq hija prijorità ewlenija.
Intqal li Transport Malta tibqa’ timpenja ruħha favur aktar sigurtà fit-toroq u twiegħed li tkompli bl-isforzi tagħha ta’ infurzar matul is-sena.