Jirriżulta li, sa Ġunju ta’ din is-sena, l-għadd ta’ aċċidenti mhux fatali li seħħew fuq il-lant tax-xogħol kienu inqas mis-sitt xhur ta’ qabel bejn Ġunju u Diċembru tal-2023. Dan hekk kif l-elf u ħamsa u tmenin każ irreġistrati fir-rekords amministrattivi bejn Jannar u Ġunju kienu tnejn u erbgħin każ inqas.
Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, juru li l-aktar oqsma ekonomiċi li esperjenzaw tali aċċidenti f’dan il-perjodu kienu dawk tal-manifattura bi kważi sittax fil-mija u l-kostruzzjoni b’aktar minn tlettax fil-mija.
Warajhom ġie x-xogħol fil-qasam tas-saħħa u s-soċjal, attivitajiet fis-servizzi amministrattivi u ta’ appoġġ u t-trasport u l-ħażna.
Numru kbir minn dawk involuti fl-aċċidenti kellhom impjiegi elementari, waqt li terz mit-total sħiħ tagħhom m’għamlux iżjed minn tlett ijiem assenti minn fuq il-post tax-xogħol tagħhom.
Jirriżulta wkoll li 70 fil mija ta’ dawk midrubin kienu Maltin.
Imqabbel mal-perjodu ta’ Ġunju-Diċembru tas-sena l-oħra, fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kien hemm sitta u ħamsin raġel inqas li ndarbu fuq ix-xogħol, waqt li erbatax il-mara iżjed kienu involuti f’xi aċċident, anke jekk iċ-ċifra femminili f’dan ir-rigward tibqa’ relattivament ferm inqas minn dik tal-irġiel.
L-NSO, sadanittant, irrapporta wkoll li kien hemm erbaʼ aċċidenti fatali matul l-ewwel sitt xhur tal-2024.