Fl-ewwel vot li kien hemm fil-plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, Franza, l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti David Casa u Peter Agius ivvotaw favur riżoluzzjoni li tara li kull pajjiż fl-Unjoni Ewropea, inkluż Malta, jixtru armamenti biex jintużaw mill-Ukrajna fil-gwerra kontra r-Russja.
Din ir-riżoluzzjoni titlob li Malta tinvesti 0.25% tal-Prodott Gross Domestiku tagħha, f’armamenti tal-gwerra biex jintbagħtu lis-suldati Ukreni fuq il-front.
Din l-istess riżoluzzjoni qed titlob ukoll li, għall-ewwel darba, armamenti Ewropej ikunu jistgħu jintużaw fuq miri fir-Russja.
F’kummenti li għadda lil ONE News, il-kap tad-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Alex Agius Saliba, qal li, skont il-liġi internazzjonali, meta jkollok sitwazzjoni fejn armamenti Ewropej ikunu jistgħu jintużaw fuq pajjiż jew pajjiżi terzi, hemmhekk għandek dikjarazzjoni ta’ gwerra.
B’hekk, saħaq li, bil-vot ta’ Casa u Agius flimkien ma’ t’oħrajn favur dawn l-obbligi fir-riżoluzzjoni finali, Malta u l-Ewropa qegħdin jiddikjaraw gwerra diretta kontra pajjiż terz.
L-approvazzjoni ta’ dan il-vot tkompli mal-kampanja li għamel il-grupp tal-Partiti Popolari Ewropej, l-EPP, u li miegħu hu affiljat il-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt, tul il-kampanja elettorali li għaddiet, il-President tal-EPP, Manfred Weber, ukoll iddikjara li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li tkun armata sa snienha, inkluż b’armi nukleari.
Min-naħa l-oħra, l-Ewroparlamentari Laburisti, Alex Agius Saliba, Daniel Attard u Thomas Bajada, kienu l-uniċi membri Parlamentari Ewropej fil-grupp li jappartjenu lilu tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, li mhux biss ivvotaw kontra dawn l-emendi, imma anke kontra r-riżoluzzjoni finali.
Mal-mikrofonu ta’ ONE, fil-binja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, il-kap tad-delegazzjoni Laburista qal li huma għamlu dan, għax ix-xogħol tal-membri Parlamentari Ewropej mhux biex tipprova tintogħġob mal-partiti Ewropej, imma għax il-prinċipji Kostituzzjonali ta’ pajjiżna, inkluż dak tan-newtralità, jibqgħu importanti u sagrosanti.
Qal, “Meta jkollok sitwazzjoni fejn armamenti Ewropej ikunu jistgħu jintużaw fuq pajjiż terz, hemmhekk għandek dikjarazzjoni ta’ gwerra. U meta aħna konna qegħdin nitkellmu fuq ir-riskju li l-Ewropa tieħu ċerta direzzjoni, tista’ ddaħħal lil pajjiżna fi gwerra u tista’ tkisser l-prinċipju ta’ newtralità u non-allineament. Illum il-ġurnata mhux biss hu pprovat b’din ir-riżoluzzjoni, imma David Casa u Peter Agius, li għamlu kampanja sħiħa jgħidu li qed inbeżżgħu lin-nies, illum, black on white, ivvotaw mhux biss favur dawn l-emendi, imma anke r-riżoluzzjoni finali.”
Agius Saliba kien qed jirreferi għal diversi dikjarazzjonijiet, inkluż mill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech u l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, li imbottaw favur dan il-pass fl-Unjoni Ewropea, imma saħansitra tennew li lesti jibgħatu lil ulied pajjiżna jiġġieldu fil-gwerer ta’ ħaddieħor.
Tal-istess fehma kien l-Ewroparlamentari Daniel Attard li, f’kumment li tella’ fuq il-midja soċjali, qal li, bil-maqlub tar-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista, huma f’isem il-Partit Laburista qatt mhu se jipprovaw jikkompromettu l-interess nazzjonali.