Fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, l-aġenzija Infrastructure Malta diġà wettqet xogħol fuq mija u disa’ u tletin triq rurali u residenzjali.
Dan sar bħala parti mill-pjan biex isiru t-toroq kollha tal-pajjiż, b’investiment ta’ seba’ mitt miljun ewro.
Matul din is-sena, l-Aġenzija għadha għaddejja bir-ritmu biex tibni mill-ġdid medja ta’ erba’ toroq residenzjali fil-ġimgħa, kif jikkonferma l-Kap ta’ Taqsima tal-Implimentazzjoni tal-Infrasructure Malta, Noel Vella.
“Għaddejjin b’kontinwazzjoni tal-pjan, fejn dħalna fir-raba’ sena tal-programm ta’ Infrastructure Malta, fejn din is-sena għamilna madwar 140 triq, kemm dawk residenzjali u rurali.”
Hekk kif il-programm nazzjonali għal toroq residenzjali aħjar f’Malta, mifrux fuq seba’ snin, jinsab fir-raba’ sena tiegħu, sa nofs din is-sena l-aġenzija lestiet il-bini mill-ġdid ta’ sitta u disgħin triq residenzjali oħra mferrxin madwar il-pajjiż.
F’dawn is-sitta u disgħin triq residenzjali, l-aġenzija żiedet jew bniet mill-ġdid mad-disa’ u tletin kilometru ta’ bankini u qiegħdet aktar minn ħamsa u sittin kilometru ta’ servizzi ġodda għad-distribuzzjoni tas-servizzi taħt l-art, li jinkludu pajpijiet tal-ilma, katusi tad-drenaġġ, katusi u kanali għall-ilma tax-xita, kejbils tal-elettriku u pajpijiet għall-kejbils tal-Internet u servizzi oħra tat-telekomunikazzjoni.
Id-Direttur Eżekuttiv tal-Infrastructure Malta, il-Perit Raphael Abdilla, qal li din il-ħidma tkompli tibni fuq il-ħidma li saret fl-elfejn wieħed u għoxrin, meta din l-aġenzija lestiet mitejn u għoxrin triq residenzjali.
“Qegħdin, tista’ tgħid, f’nofs it-triq, fir-raba’ sena, u għadna għaddejjin bl-istess ritmu li bdejna. Matul is-sena li għaddiet għamilna mitejn u għoxrin triq, li jiġu ’l fuq minn ħamsin kilometru ta’ toroq ġodda. Bħalissa għaddejjin bl-istess pjan u l-istess ritmu biex inkomplu nagħmlu dawn it-toroq.”
L-istess ritmu ta’ xogħol matul l-ewwel nofs ta’ din is-sena nżamm ukoll f’dak li huwa titjib tat-toroq qalb il-kampanja.
Filfatt, fis-sitt xhur li għaddew, l-aġenzija għamlet xogħlijiet fi tlieta u erbgħin triq rurali oħra li jintużaw mill-bdiewa li jaħdmu l-għelieqi madwarhom u minn ħafna oħrajn li jgħixu, jaħdmu, u jivvjaġġaw fl-inħawi.
Flimkien, dawn iġibu tul ta’ erbatax-il kilometru u matulhom l-aġenzija installat aktar minn għaxar kilometri f’servizzi ġodda taħt l-art.
Il-ħidma f’dawn it-toroq baqgħet għaddejja minkejja li l-Aġenzija kienet impenjata biex tlesti fil-ħin uħud mill-akbar proġetti infrastrutturali li qatt saru f’pajjiżna, primarjament il-mini ta’ Ħal Kirkop, l-Airport Intersection Project, u l-Junction ta’ Ħal Luqa.