Fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, l-aġenzija tal-Gvern Infrastruttura Malta diġà wettqet xogħol fuq mija u erbgħa u tletin triq rurali u residenzjali.
Dan bħala parti mill-proġett li jsiru t-toroq kollha ta’ pajjiżna b’investiment ta’ seba’ mitt miljun ewro.
B’kollox mill-2019 sa nofs din is-sena, inbnew jew sar titjib f’aktar minn sitt mitt triq residenzjali u rurali f’pajjiżna.
Id-Direttur Eżekuttiv ta’ Infrasstrutura Malta, il-Perit Raphael Abdilla, spjega li l-ħidma f’dawn it-toroq qed twassal biex eluf ta’ familji jgawdu minn toroq ta’ kwalità ogħla u ambjent aħjar fejn jgħixu.
Fost dawk li esperjenzaw dan it-titjib fl-aħħar xhur hemm ir-residenti li jgħixu fil-Qasam tad-Djar ta’ San Patrizju, f’Pembroke.
Id-Direttur Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta, Raphael Abdilla stqarr: “Fl-ewwel nofs ta’ din is-sena lestejna mija u erbgħa u tletin triq. Qed ninkludi dawk rurali kif ukoll dawk residenzjali u arterjali. Inbnew tmienja u sebgħin triq residenzjali, filwaqt li sitta u ħamsin inbnew f’żoni rurali.”
Fost it-toroq residenzjali li nbnew mill-ġdid fl-aħħar xhur hemm toroq arterjali ewlenin li jwasslu minn lokalità għal oħra.
Fost dawn hemm Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija fl-Imqabba, Triq Manwel Dimech f’Tas-Sliema, Triq Paola f’Ħal Tarxien u Vjal il-Ħamsa u Għoxrin ta’ Novembru fiż-Żejtun.
Il-Perit spjega li fejn kien hemm problemi t’għargħar, Infrastruttura Malta bniet sistemi ta’ katusi u spralli biex itaffu d-diffikultajiet ikkaġunati mill-ilma tax-xita.
Huwa sostna: “Infrastruttura Malta tagħżel dawk li huma suxxettibbli għal kwistjonijiet ta’ flooding issues, tiġbor lil dawk li jafu li hemm problemi ta’ għarfien. Meta tintervjeni u twitti t-triq nikkordinaw mad-dipartiment tax-xogħlijiet u l-konsulenti tagħhom biex ikunu jistgħu jagħmlu proġetti li ikopri mitigazzjonijiet għal residenti tal-area.”
Il-ħidma f’dawn it-toroq baqgħet għaddejja minkejja li l-Aġenzija kienet impenjata li tlesti fil-ħin uħud mill-akbar proġetti infrastrutturali li qatt saru f’pajjiżna, primarjament il-Junction tal-Marsa u l-mini ta’ Santa Luċija.