Bejn Jannar u Ġunju tas-sena l-oħra, l-Awtorità Maltija għal-Logħob ħarġet disa’ multi li b’kollox jammontaw għal aktar minn żewġ miljun u erba’ mitt elf ewro. Dan filwaqt li b’kollox inħarġu ħdax-il twissija, żewġ sospensjonijiet u seba’ operaturi tteħditilhom il-liċenzja tal-logħob.
Dan tħabbar f’rapport tal-Awtorità Maltija għal-Logħob li jkopri l-ewwel sitt xhur tas-sena l-oħra.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Kap Eżekuttiv tal-MGA, Dr Carl Brincat, sostna li l-pandemija kienet l-akbar sfida tul din l-aħħar sena hekk kif l-Awtorità kellha tadatta għal sitwazzjonijiet ġodda.
Madankollu qal li l-pandemija ma waqqfitx lil din l-Awtorità tkompli tirregola dan is-settur.
Fil-fatt, dwar il-multi li nħarġu, Dr Brincat sostna li waħda minnhom kienet tikkonċerna kumpanija tal-logħob f’Malta li kienet qed topera mingħajr liċenzja.
Dan wassal sabiex l-MGA imponiet multa ta’ żewġ miljun u tlett mitt elf ewro lil din il-kumpanija.
Dr Brincat qal, “Iffukajna ħafna din is-sena minħabba l-pandemija fuq ċertu reklamar li seta’ juża l-pandemija biex jinċentiva l-ġudikaturi jilagħbu iktar għaliex rajna li dan jista’ jkun ta’ iktar periklu għal min hu vulnerabbli u allura ħafna mill-multi kien jiffukaw fuq hekk.”
Semma wkoll il-ftehim f’forma ta’ Memorandum of Understanding li sar fl-istess perjodu u li saħħaħ ir-relazzjoni tal-MGA mal-FIAU. Fil-fatt, grazzi għal dan il-ftehim saru tmien mija tlieta u tletin test ta’ skrutinju b’aktar effiċċjenza fuq attività tal-logħob.
Fl-ewwel sitt xhur tal-elfejn u għoxrin, l-MGA ukoll assistiet f’erbgħin investigazzjoni internazzjonali filwaqt li talbet l-assitenza għal ħamsa u għoxrin investigazzjoni.
Dr Brincat kompla jispjega: “Aħna minn dejjem kellna kollaborazzjoni sħiħa u tajba ħafna mal-FIAU jiġifieri minn hawnhekk nirringrazzjahom. Aħna l-MOU komplejna nsaħħuħ għaliex aħna fir-rigward ta’ spezzjonijiet fuq anti-moneylaundering aħna s-supervising authority li nagħmlu dawk l-ispezzjonijiet għall-FIAU allura dejjem l-importanti li l-informazzjoni naqsmuha aħjar u anke nagħtu training lil xulxin.”
Fl-ewwel nofs tas-sena l-oħra, il-Taqsima ta’ Għajnuna tal-Lagħba rċeviet elfejn erba’ mija wieħed u tletin talba u ġew solvuti elfejn erba’ mija tlieta u tletin, b’uħud li kienu jmorru lura għas-sena ta’ qabel.
Dan filwaqt li n-numru ta’ kumpaniji tal-logħob li joperaw b’liċenzja Maltija kompla jiżdied għal tliet mija u tlettax, hekk kif inħarġu erbgħin liċenzja ġdida għall-operaturi wara li sar proċess rigoruż ta’ verifika.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri qal li din is-sena kixfet ir-reżiljenza ta’ dan is-settur speċjalment fl-oqsma tal-E-sports u l-Video Game Development.
Il-Ministru Schembri qal li dan ma wasalx b’kumbinazzjoni hekk kif fl-aħħar snin Gvern Laburista witta t-triq għal aktar żvilupp f’dan il-qasam.
Dwar il-riżultati li jixhed dan ir-rapport, il-Ministru Schembri qal li dawn waslu grazzi għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet f’pajjiżna.
Dan biex fl-aħħar mill-aħħar tiġi ssalvagwardjata s-serjetà tal-ġurisdizzjoni Maltija. Serjetà li permezz tagħha jista’ jiġi attirat aktar negozju f’dan is-settur.
Dwar ir-rapport tal-Moneyval, il-Ministru Schembri qal li fl-aħħar xhur Malta kontinwament aġġornat ruħha anke f’dan il-qasam sabiex tkun konformi mal-kriterji stabbiliti.
Il-Ministru Schembri sostna:“Importanti wkoll li anke f’sena ta’ sfida fosthom bis-sena li għandna quddiemna b’dan ir-rapport tal-Moneyval rajna li anke fejn tidħol l-aspett regolatorju naraw li nagħlqu kull tieqa possibbli għal attività illeċita.”