Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, l-investiment tal-Gvern fuq il-benefiċċji soċjali żdied b’aktar €52 miljun meta mqabbel mal-ewwel nofs tas-sena l-oħra.
Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li juru kif dan l-investiment tal-Gvern, fl-ewwel sitt xhur tas-sena, kien ta’ aktar minn €680 miljun.
Dan filwaqt li bejn Jannar u Ġunju tas-sena l-oħra, l-investiment tal-Gvern fil-miżuri soċjali kien ta’ €628 miljun.
Iż-żieda fl-investiment tal-Gvern ġiet fi żmien ta’ kriżi internazzjonali bla preċedent, bil-gwerra fl-Ukrajna, li wasslet għall-inflazzjoni u l-kriżi tal-enerġija.
Miċ-ċifri tal-NSO ħareġ ukoll li ġew irreġistrati żidiet kemm fuq il-Benefiċċji Kontributorji ta’ kważi €35 miljun u anki f’dawk li huma Benefiċċji Mhux Kontributorji ta’ kważi €18-il miljun.
Fl-ewwel sitt xhur tas-sena, il-benefiċċju tal-pensjonijiet żdied bi kważi €20 miljun, hekk kif din is-sena, l-investiment fil-pensjonijiet, kien jgħodd għal kważi €380 miljun.
Dan filwaqt li l-investiment fiċ-Children’s Allowance kien ta’ aktar minn €24 miljun. Żieda ta’ kważi €3 miljun oħra.
Fl-ewwel sitt xhur tas-sena, kien hemm żieda konsiderevoli fil-benefiċċju tal-In-Work Benefit. Riċentament, dan il-benefiċċju beda jingħata awtomatikament lil dawk li huma eleġibbli għalih. L-investiment f’dan il-benefiċċju fl-ewwel nofs tas-sena, kien ta’ kważi €7 miljun.
Din is-sena ddaħlet ukoll l-għajnuna addizzjonali għal persuni vulnerabbli apparti dak tal-kumpens tal-għoli tal-ħajja. Hawnhekk l-investiment kien ta’ kważi €3 miljun.