Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena żdiedu l-vjaġġi bil-baħar bejn Malta u Għawdex.
Statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO wriet li n-numru ta’ vjaġġi bejn il-fliegu fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena laħqu ftit iżjed minn seba’ t’elef u tliet mija (7,324).
Din fissret żieda ta’ 34.4% fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra.
L-akbar ammont ta’ vjaġġi bil-baħar bejn Malta u Għawdex saru fi Frar, ix-xahar li fih isir il-Karnival, festa li tiġbed ħafna nies lejn in-Nadur.
Fi Frar saru kważi elfejn u ħames mitt vjaġġ (2,494) jew 34.1% tal-vjaġġi kollha li saru bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena.
L-NSO spjega li f’dawn l-ewwel tliet xhur qasmu l-fliegu aktar minn miljun ruħ (1,038,142).
Dan fisser tnaqqis fin-numru ta’ passiġġieri u karozzi li vjaġġaw bejn Malta u Għawdex.
Fit-tieni xahar tas-sena vjaġġaw l-akbar numru ta’ passiġġieri.
Fil-fatt bil-baħar vjaġġaw kważi erba’ mija u tletin elf ruħ li fisser 41.4% tat-total ta’ passiġġieri li qasmu l-fliegu bejn Jannar u Marzu.
L-aktar jiem impenjattivi għal port taċ-Ċirkewwa kienu l-Ġimgħa u s-Sibt.
Filfatt f’dawn il-jiem in-numri magħduda flimkien qabżu l-mija u sitta u tmenin elf.
Dan filwaqt li l-port tal-Imġarr ra l-akbar numru ta’ nies il-Ħadd u t-Tnejn.
In-numru tan-nies magħduda flimkien li vjaġġaw mill-port tal-Imġarr f’dawn il-jumejn qabżu l-mija u sitta u sebgħin elf.