Fl-ewwel jiem tas-sena l-ġdida, il-Pulizija f’Malta se jżanżnu uniformi ġdida, b’investiment ta’ aktar minn żewġ miljun ewro.
F’intervista ma’ ONE News, il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, spjega kif l-uffiċjali jinsabu entużjasti għal din il-bidla.
Qal, “Investiment li l-Pulizija tagħna, nista’ ngħidlek kull Pulizija, ilu żmien jistenna, hija uniformi ġdida u allura issa fil-bidu tas-sena li ħa nkunu qed nibdew, il-Korp tal-Pulzija se jkun qed iżanżan uniformi ġdida b’investiment li jeċċedi ż-żewġ miljun ewro. Hija uniformi li fuq kollox kellha l-input tal-Pulizija tagħna.”
Fil-fatt, il-Kummissarju spjega kif l-uffiċjali tal-Pulizija kienu nvoluti sa mill-bidu nett fid-diskussjonijiet biex ikunu fil-qofol tad-deċiżjonijiet meħuda fl-aħjar interess tagħhom.
Qal, “Se tkun uniformi li hija iktar komda, iktar prattika, hija iktar adattata għall-klima tagħna, tipprovdi iktar sigurtà għax anki għandek elementi ta’ safety caps. Hija gender neutral mela allura ħa jkollna uniformi li ma tiddistingwix bejn mara u raġel jew non-binary. Allura fit-totalità tagħha li nemmen li se tkun qed tqarribna lejn il-komunitajiet li fuq kollox hija l-qofol tal-mission u l-vision statement tal-Pulizija.”
Il-Kummissarju spjega li dan l-investiment isegwi ħafna oħrajn li saru fl-aħħar xhur biex l-uffiċjali dejjem iħossuhom aktar motivati li joffru l-ogħla servizz liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
Fl-aħħar ħames snin ġew investiti kważi tmien miljun ewro fl-infrastruttura u aktar minn tliet miljuni oħra fil-vetturi, għaliex filwaqt li trid tissaħħaħ l-infrastruttura minn fejn joperaw l-uffiċjali, oħrajn għandhom il-mutur jew il-karozza bħala l-uffiċċju tagħhom.
Bl-istess mod sar investiment dirett ieħor fis-servizzi psikoloġiċi u ta’ terapija lill-Pulizija li jkunu esperjenzaw episodji trawmatiċi fuq ix-xogħol tagħhom.
Dan l-investiment mistenni jkompli u saħansitra jissaħħaħ matul is-sena l-ġdida.