Minn meta beda t-tilqim għall-viruses tal-influwenza u l-COVID-19, s’issa tlaqqmu eluf ta’ persuni. Aktar minn tmintax-il elf u erba’ mitt persuna tlaqqmu kontra l-influwenza, filwaqt li aktar minn sebat elef u erba’ mitt persuna ħadu t-tilqima kontra l-virus tal-COVID.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, meta kien mistieden fuq il-programm ‘Temi’, fuq ONE Radio.
Fil-fatt, nhar it-Tnejn, it-tilqim, ġie estiż ukoll għall-adulti.
Id-Deputat Prim Ministru, spjega kif, meta x-xitwa ddum ma tidħol u t-temp jiksaħ f’salt, aktar ikun hemm mard qawwi u b’hekk hu aktar importanti li wieħed jieħu t-tilqim neċessarju, biex jevita milli jiġri dan.
Stqarr, “Meta x-xitwa ddum ma tidħol, ġeneralment imbagħad tidħol f’salt, u jkollna ħafna mard f’salt, jiġifieri minflok jibda jkollna ħafna mard, u allura meta jkunu snin bħal ta’ din is-sena, li s-sajf jibqa’ qisu jkarkar, iżjed importanti paradossikament, forsi wieħed jaħseb bil-maqlub, iżda hu aktar importanti li nieħdu t-tilqima, għax meta tiġi, l-influwenza diġà bdiet, imma la tiġi b’mod qawwi, ħa tolqot ħafna nies f’salt.”
Din it-tilqima, li tingħata mingħajr ħlas, qed tingħata fiċ-ċentri tas-saħħa, f’diversi bereġ, kunsilli lokali u kif ukoll tobba tal-familja.
Aċċenna wkoll għall-fatt li l-virus tal-COVID-19 sar staġjonali u li din il-marda m’għadhiex meqjusa bħala pandemija.
Ħabbar li, għal sena oħra, it-tfal fi ftit ġimgħat oħra se jkunu qed jingħataw spray fi mneħirhom, li jaħdem daqs it-tilqima, minflok jingħataw id-doża permezz ta’ labra.
Mistoqsi jekk hemmx xi preparamenti l-Isptar, f’każ li l-impatt tagħhom ikun wieħed qawwi, hu wieġeb li l-iswali, li żdiedu fi żmien il-pandemija fl-isptarijiet pubbliċi, għadhom fis-seħħ, kif ukoll semma li f’każ ta’ bżonn l-awtoritajiet jistgħu ukoll jirrikorru għal istituzzjonijiet privati.
Id-Deputat Prim Ministru qal li pajjiżna jsegwi l-mudell tal-Awstralja, fejn ix-xitwa tidħol qabel ma tidħol f’pajjiżna u li t-tilqima hi aġġornata għall-varjanti. Dan biex tkun żgurata l-aqwa kura għal kulħadd.
Sadanittant, il-Ministru għall-Anzjanita Attiva, Joe Etienne Abela, qal li din il-kampanja kontra l-viruses tal-COVID-19 u l-influwenza, ilha għaddejja għal dawn l-aħħar jiem, waqt li, kif għamel hu stess, appella biex kulħadd jieħu din it-tilqima.
Qal, “Min jitlaqqam jimrad inqas, u jekk jimrad ikollu inqas kumplikazzjonijiet. Speċjalment persuni anzjani li jbatu minn xi mard kroniku, inħeġġeġ biex tagħmlu użu minn dan it-tilqim.”
Mark Bonanno, Charge Nurse fi ħdan l-Infection Control, fl-Isptar San Vinċenz de Paule, esprima l-importanza tat-tilqim, partikolarment għall-persuni ta’ ’l fuq minn 65 sena, biex jiġi evitat mard, li jista’ anke jkun fatali.
Stqarr, “Tipproteġihom mill-mard respiratorju, u anke ovvjament mill-COVID. L-andament sejjer tajjeb. Mexjin skont l-iskeda li għandna u nikkalkulaw li fi żmien disat ijiem inkunu koprejna San Vinċenz kollu.”