Fl-ewwel ġimagħtejn ta’ Awwissu, 289,764 qasmu l-fliegu bl-erba’ vapuri tal-Gozo Channel.
Dawn iċ-ċifri li kiseb ONE News mill-kumpanija Gozo Channel juru żieda sostanzjali mill-istess ġimagħtejn tal-2022, hekk kif f’dawn il-jiem assoċjati ma’ Santa Marija u x-shutdowns, kienu qasmu madwar mitejn u tmienja u sittin elf (267,744) persuna mill-port taċ-Ċirkewwa għall-port tal-Imġarr u viċi-versa.
Dan kollu fisser żieda ta’ tnejn u għoxrin elf u għoxrin (22,020) persuna aktar din is-sena.
Mill-ewwel tax-xahar sa nhar Santa Marija, il-vetturi li rikbu l-vapuri tal-Gozo Channel ammontaw għal aktar minn ħamsa u disgħin elf (95,373).
It-total ta’ vjaġġi li għamlu l-vapuri Melita, Gaudos, Ta’ Pinu u n-Nikolaus, qabżu l-elf u ħames mija (1,504), fejn ukoll ġiet irreġistrata żieda fuq is-sena l-oħra.
Kien is-Sibt, 12 ta’ Awwissu, li miċ-Ċirkewwa qasmu l-aktar nies lejn Għawdex f’dawn il-ħmistax. Fil-fatt f’jum wieħed biss qasmu kważi tnax-il elf u ħames mitt persuna (12,495).
L-istess ċifri juru li l-aktar jum li qasmu nies lejn Malta minn Għawdex kien is-Sibt, 6 ta’ Awwissu, b’total jammonta għal iżjed minn tlettax-il elf u mitt persuna (13,111).
Dawn iċ-ċifri ma jinkludux fihom il-passiġġieri li qasmu u l-vjaġġi li twettqu mill-vapuri tal-fast ferries. Fil-fatt rapporti mhux uffiċjali indikaw ukoll li f’dawn il-jiem hawnhekk ukoll kien hemm influss kbir ta’ Maltin u turisti li użaw dawn il-mezzi biex, bi vjaġġ ta’ tliet kwarti, jaqsmu lejn Għawdex jew lejn il-Port il-Kbir fil-Belt Valletta.
Dwar dawn iċ-ċifri b’saħħithom ONE News ħa r-reazzjoni taċ-Chariman tal-kumpanija Gozo Channel Joe Cordina, li żvela magħna indikazzjoni ferm pożittivi għall-kumpanija.
“Din is-sena n-numru ta’ passiġġieri komplew jiżdiedu fuq is-snin ta’ qabel. Din is-sena wkoll se nkunu qed naqbżu kull rekord, għax Għawdex qed ikompli jkun destinazzjoni popolari mal-Maltin u t-turisti. Aħna qed nagħmlu dak kollu li nistgħu biex il-passiġġieri ma jistennewx, anzi qed nipprovaw nagħtu servizz li malli wieħed jasal iċ-Ċirkewwa jibqa’ ġej lejn Għawdex.”
Min-naħa l-oħra dwar l-andament pożittiv għas-settur turistiku f’Għawdex, ONE News ħa r-reazzjoni wkoll tal-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu Joe Muscat.
“L-indikazzjonijiet li kellna s’issa jidher li kien weekend ta’ Santa Marija, li kien fuq l-istess livelli tas-snin ta’ qabel. Hawnhekk irridu nieħduh ukoll f’kuntest li dan hu l-ewwel perjodu li ma kien hemm l-ebda restrizzjoni b’rabta mal-pandemija, allura Għawdex kellu wkoll kompetizzjoni ta’ destinazzjonijet ’il barra minn Malta. Però jidher li l-andament kien wieħed pożittiv għall-gżira Għawdxija.”
Muscat innota kif, jekk qabel il-jiem ta’ Santa Marija kienu meqjusa bħala l-aktar jiem li jaraw influss qawwi lejn il-gżira Għawdxija, din ix-xejra qed tinbidel. Dan hekk kif il-Maltin qed jagħżlu li jaqsmu lejn Għawdex prattikament f’kull tmiem il-ġimgħa u mhux speċifikament għal festa waħda biss.
Kif kien anke rrapporta dan l-istazzjon fi Frar li għadda, il-jiem tal-Karnival ukoll qed ikunu popolari ferm mal-Maltin u turisti, u saħansitra n-numri qed joqorbu jew jaqbżu dak li qabel kienu jkunu rreġistrati fil-ġimagħtejn li għaddew.
Muscat għamel referenza dwar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li juru kif bosta Maltin fl-aħħar snin investew u xtraw appartamenti fil-gżira Għawdxija. Permezz ta’ dan kien hemm impatt pożittiv fuq ir-restoranti Għawdxin.
“Irridu nieħdu wkoll f’kuntest ta’ żviluppi ġodda fis-settur turistiku f’Għawdex. L-NSO juruna li tul dawn l-aħħar żminijiet, is-suq domestiku meta jżur lil Għawdex, 42% joqgħod fl-akkomodazzjoni privata tagħhom stess, ta’ dawk il-Maltin li xtraw proprjetà f’Għawdex.”