Aktar minn sitt mitt first-time buyer li xtraw il-proprjetà tagħhom is-sena li għaddiet u li għaliha ħadu self mill-bank, applikaw biex jibbenefikaw mill-għotja tal-Gvern ta’ elf ewro fis-sena fuq medda ta’ għaxar snin.
Din kienet l-ewwel ġimgħa minn mindu l-Awtorità tad-Djar fetħet l-applikazzjonijiet tagħha biex tgħin żgħażagħ jixtru l-ewwel dar tagħhom.
Din il-miżura, li qiegħda titwettaq f’inqas minn sena mit-tħabbira tagħha waqt il-kampanja elettorali, tħabbret mill-Prim Ministru Robert Abela aktar kmieni dan ix-xahar. Huwa spjega li l-Gvern qed jaħdem biex kulħadd ikollu saqaf fuq rasu, bil-prinċipju jkun li f’dan il-pajjiż kulħadd ikun jista’ jwettaq l-aspirazzjonijiet u l-ħolm tiegħu biex jasal fejn jixtieq.
Huwa stmat li fl-ewwel sena ta’ din l-iskema se jgawdu mat-3,000 first-time buyer.
Il-Kap Eżekuttiva tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, spjega li l-għan wara din l-għotja huwa wieħed ċar: li jgħin liż-żgħażagħ biex il-ħolma tagħhom li jkollhom l-ewwel dar ma tkunx piż iżda realtà sabiħa. Huwa żied jgħid li l-konkorrenza għal din il-miżura kienet tajjeb ħafna.
Huwa qal, “Sa dalgħodu stess kellna ‘l fuq minn 600 applikazzjoni, li juri li l-iskema sejra tajjeb ħafna, anke minħabba l-fatt li diġà nafu kemm huma eliġibbli. L-applikazzjonijiet għal dawk mixtrija fl-2022 se jibqgħu miftuħa sal-aħħar ta’ Mejju ta’ din is-sena, bl-ewwel ħlas jasal f’Ġunju ta’ din is-sena.”
Is-Sur Zerafa żied jgħid li, f’każ ta’ kuntratti li saru fl-2023, applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni sa Marzu 2024, bl-ewwel pagament jinħareġ f’Ġunju 2024.
Huwa rrikonoxxa li l-ewwel għaxar snin ikunu l-aktar diffiċli għall-first-time buyers, billi jkun hemm spejjeż oħra li jmorru lil hinn mill-prezz tal-proprjetà immobbli nnifisha u għaldaqstant il-Gvern ħass li kellu jintervjeni biex jgħinhom fl-ewwel pagamenti.
Huwa spjega wkoll li din l-għotja mhux se tkun soġġetta għal test tal-mezzi u l-Awtorità tad-Djar se tkun qed toħroġ il-pagamenti annwali fix-xahar ta’ Ġunju, permezz ta’ transfer bankarju direttament fil-kont tal-applikant, jekk huwa benefiċjarju waħdu, jew fil-kont konġunt fil-każ li l-applikanti jkunu koppja.
Matthew Zerafa spjega li din l-iskema se tkun qed tingħaqad mal-ħafna li l-Gvern daħħal matul is-snin, maħsuba għal dan il-għan. Uħud huma maħsuba għall-ħafna, bħat-tneħħija tat-taxxa tal-boll għall-first-time buyers. Oħrajn huma maħsuba għal dawk f’ċirkostanzi partikolari, bħall-iskemi Equity Sharing u New Hope, kollha b’għan qawwi ta’ ġustizzja soċjali.
Tenna, “Il-feedback li kellna kien li kellek liż-żgħażagħ li jieħdu l-għajnuna ta’ 10%, fejn noffru l-għajnuna ta’ depożitu bil-quddiem ta’ 10% biex tkun tista’ tixtri. Malli tixtri qed noffru din l-għajnuna wkoll. Din hija parti minn kullana, ekosistema ta’ skemi li mhix esklussiva iżda jikkumplimentaw skemi oħra.”
L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu aċċessati mis-sit housingauthority.gov.mt.