Fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, ġew f’pajjiżna aktar minn tliet miljun u mitt elf turist. B’dan ifisser li, sal-aħħar ta’ Ottubru ta’ din is-sena, ġew iżjed turisti mis-sena l-oħra, li kienet sena rekord. Fl-2023 kienu waslu fostna ftit iżjed minn tliet miljun turist.
Ir-riżultati mill-bidu ta’ din is-sena sa Ottubru li għadda joħorġu minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Minn din l-istatistika jirriżulta iżjed sinifikanti kif in-nefqa tat-turisti fl-ekonomija lokali, f’dan il-perjodu, laħaq it-€2.9 biljun.
Meta mqabbel mal-istess għaxar xhur is-sena l-oħra, in-nefqa mit-turisti diġà żdiedet b’aktar minn nofs biljun ewro, indikazzjoni ċara tat-titjib fil-kwalità f’din l-industrija.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ li, sal-aħħar ta’ Ottubru li għadda, l-aktar turisti li ġew f’pajjiżna kienu mir-Renju Unit, bi kważi sitt mija u tlettax-il elf turist.
Wara jiġi s-suq Taljan b’aktar minn ħames mija u ħamsin elf turist u dak Franċiż b’aktar minn mitejn u sebgħin elf turist, segwiti minn dawk mill-Ġermanja u l-Polonja.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ ukoll li n-numru tal-iljieli li qattgħu fostna t-turisti, f’dan il-perjodu, hu ta’ kważi għoxrin miljun lejl, b’żieda ta’ aktar minn 12%, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.