Sa April li għadda, l-ammont ta’ turisti li ġew f’pajjiżna kien ta’ kważi 711,000. Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Hawnhekk ħareġ li meta mqabbel mal-ewwel erba’ xhur tas-sena l-oħra kien hemm żieda ta’ 258,453 turist. Dan hekk kif bejn Jannar u April tal-2022 ġew f’pajjiżna 443,506 turist.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ li f’April li għadda ġew f’pajjiżna 266,798 turist. Dan l-ammont ta’ turisti, f’dan ix-xahar li għadda jisboq sew l-ammont ta’ turisti li ġew f’April tas-sena l-oħra, hekk kif ġew 194,545 turist. Dan ifisser żieda ta’ aktar minn 72,000 turist fuq sena.
Minn dawn iċ-ċifri joħroġ ukoll li l-għadd ta’ turisti li ġew f’April li għadda kien jisboq l-ammont ta’ turisti li ġew f’pajjiżna f’Ġunju tas-sena l-oħra.
Matul dan ix-xahar, aktar minn 240,000 turist ġew f’Malta għal btala, waqt li kważi 11,000 turist ġew f’Malta għal skop ta’ negozju.
F’din l-istatistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ħareġ li n-nefqa mit-turisti f’pajjiżna f’dawn l-ewwel erba’ xhur tas-sena kien ta’ aktar min-nofs biljun ewro.
Din tfisser żieda ta’ aktar minn €200 miljun, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
L-aktar kategoriji ta’ eta fost it-turisti li ġew f’pajjiżna f’dawn l-ewwel erba’ xhur tas-sena kienu dawk li għandhom bejn 25 u 44 sena, waqt li warajhom isegwu dawk li għandhom bejn 45 u 64 sena.
Skont dawn iċ-ċifri ħareġ li fl-ewwel erba’ xhur tas-sena, l-aktar turisti f’pajjiżna ġew mis-suq mir-Renju Unit, mill-Italja u dak Franċiż.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ ukoll li bejn Jannar u April li għadda, kien hemm żieda ta’ kważi minn miljun u nofs lejl li għadu fihom it-turisti, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.