Skont l-aħħar Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol (Labour Force Survey), li ġie ppubblikat illum, huwa stmat li fl-ewwel tliet xhur ta’ din s-sena l-għadd totali ta’ nies jaħdmu kien ta’ 291,756. Dan ifisser 5.3 fil-mija aktar min-numru li kien hemm jaħdmu fl-istess perjodu s-sena l-oħra.
Ir-rata tal-impjiegi fost l-irġiel f’din il-faxxa ta’ età kienet 83.8 fil-mija, filwaqt li għan-nisa kienet 71.4 fil-mija.
Dawk li jaħdmu għal rashom kienu jammontaw għal 15 fil-mija ta’ dawk kollha li kellhom impjieg ewlieni bejn Jannar u Marzu 2023. Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li huma impjegati kienu jaħdmu fuq bażi full-time u b’kollox kienu jammontaw għal 256,592.
Ir-rizultati juru li, bħala medja, il-full-timers ħadmu 40.6 sigħat filwaqt li l-part-timers ħadmu 21.5 sigħat fil-ġimgħa.
Il-paga bażika medja kull xahar tal-impegati fl-ewwel tliet xhur tal-2023 kienet stmata għal €1,848. L-ogħla paga bażika ġiet irreġistrata fis-settur tal-attivitajiet finanzjarji u tal-assigurazzjoni.