Aktar minn sitt mitt anzjan u anzjana ħadu sehem fi programm nazzjonali ġdid tal-iscreening tal-għajnejn, fl-ewwel tliet xhur minn meta beda fi klinika ġdida fir-residenza San Vinċenz de Paul.
Hawnhekk bdew jiġu nnutati diversi problemi; bħall-Glaucoma, l-effetti tad-dijabete fuq ir-retina u l-katarretti, li huma fost l-aktar kawżi komuni li jwasslu għal problemi fil-vista.
Din il-kampanja, li hija mmirata għall-anzjani li għandhom bejn is-sittin u t-tmenin sena, għandha l-għan li kull kundizzjoni fil-vista tiġi identifikata fi stadju bikri u l-kura tibda mill-ewwel.
Dan spjegatu iktar f’dettall il-kirurgu tal-għajnejn, Sarah Refalo Azzopardi mal-mikrofonu ta’ ONE News fejn qalet li t-testijiet tal-oftalmoloġija bdew isiru għaliex ir-riskju ta’ dawn il-problemi jiżdied mal-età u jwasslu għal tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja tal-persuna.
“Meta bdejna dan l-iscreening qed insibu ħafna nies li għandhom il-kundizzjonijiet li ma jinħassux ma tkunx taf li hemm problema. Waħda mill-aktar affarijiet komuni li sibna hija li l-pressjoni tal-għajn tkun elevata u ġieli qed insibu wkoll ħsara fin-nervituri li lilna jissuġerulna li hemm bidu tal-Glaucoma. Kundizzjonijiet oħrajn wkoll li sibna kienu traċċi ta’ zokkor fuq il-wara tal-għajn f’persuni li ma kinux jafu li għandhom iz-zokkor u sibna wkoll tbajja’ fuq il-wara tal-għajn li hu effett taż-żmien fuq ir-retina.”
Waħda mill-infermieri li tieħu ħsieb l-iscreenings, Antonia Elia qalet kif sa issa qed ikun hemm medda ta’ mitejn persuna fix-xahar li jmorru għal dawn it-testijiet.
Wara, ir-riżultati jiġu eżaminati minn tabib speċjalista fil-kura tal-għajnejn biex imbagħad il-pazjenti jirċievu ittra li tinfurmahom dwar ir-riżultat u, jekk hemm bżonn, ta’ testijiet ulterjuri.
L-Iscreening qed isir fiċ-Ċentru tal-Kura Ġerjatrika f’San Vinċenz de Paul u l-anzjani eleġibbli jiġu notifikati mill-awtoritajiet biex jieħdu sehem f’dan il-programm.
“Għandna sistema kompjuterizzata li tagħżel il-klijenti, imorru b’lokalità, nibagħtulhom invit fejn f’dan l-invit nagħtuhom appuntament u nħeġġuhom biex jiġu għal dan l-iscreening. Din il-klinika hija maqsuma fi tliet affarijiet fejn niċċekkjaw il-vista tal-għajnejn, il-pressjoni tal-għajnejn u jittieħed ritratt ta’ wara tal-għajn.”
Il-kirurgu appellat lill-anzjani kollha li qatt ma għamlu vista jew ilhom ma jiċċekkjaw għajnejhom, biex jilqgħu l-istedina għal dan l-iscreening, biex jekk ikun hemm xi problema, tkun tista’ tiġi trattata qabel ma l-vista tkun affettwata.
“L-iskop huwa li mhux biss ikollna popolazzjoni ta’ aznjani b’saħħithom minn affarijiet oħrajn imma li dawn l-anzjani l-vista tagħhom tibqa’ tajba u jkunu indipendenti u jkunu kapaċi jkomplu l-ħajja tagħhom normali għalhekk nixtieq inħeġġeġ lin-nies sabiex jattendu meta nċemplu għal dan l-iscreening biex jekk hemm problema naqbduha qabel ma taffettwa l-vista.”
Anzjani Għawdxin qed ikollhom l-iscreening skedat fil-klinika l-ġdida ta’ Dar Padova f’Għajnsielem.