It-turiżmu sportiv qiegħed ikun mutur importanti biex l-attività turistika fil-Gżejjer Maltin tibqa’ waħda sostenibbli matul is-sena kollha, peċjalment fix-xhur xitwin.
Dan jidher minn ċifri li ppubblikat l-Awtorità għat-Turiżmu waqt konferenza tal-aħbarjiet li fiha ġie spjegat li bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena ġew iġġenerati kważi sbatax-il elf (16,762) lejl f’lukanda mit-turiżmu sportiv.
Dawn ir-riżultati pożittivi huma marbutin ma’ reklamar b’saħħtu li qiegħed jissarraf f’żieda inkorraġġanti fejn jidħlu l-bed nights f’pajjiżna.
Fil-fatt, fl-ewwel 3 xhur ta’ din is-sena f’pajjiżna saru diversi attivitajiet sportivi li raw diversi turisti barranin jiġu lejn pajjiżna.
Fost dawn kien hemm ir-raba’ edizzjoni tat-Tipsport Malta Cup, li kien turnew li ntlagħab fl-Istadium Nazzjonali Ta’ Qali bejn it-18 u l-24 ta’ Jannar bejn erba’ timijiet mill-ogħla diviżjoni ta’ erba’ pajjiżi differenti.
Avveniment ieħor li ġġenera turiżmu sportiv kienet it-tieni edizzjoni tal-Intersport La Valette Marathon u logħba ta’ ħbiberija li għamel it-tim ta’ nisa ta’ Manchester United ma Birkirkara.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef, qal li f’dawn l-aħħar snin ġiet imfassla strateġija mmirata biex, permezz tagħha, inżidu t-turiżmu fix-xhur tax-xitwa billi jiġi offruti motivazzjonijiet li bihom jiġi attirat turiżmu ġdid lejn pajjiżna.
Hawn is-Sur Micallef qal li, “Permezz tat-turiżmu sportiv, permezz ta’ tournaments, permezz ta’ kompetizzjonijiet li rnexxilna nattiraw lejn pajjiżna, irnexxilna nżidu l-bed nights li jiġu fix-xhur tax-xitwa kif ukoll dħul importanti ta’ miljuni ta’ewro fl-industrija tat-turiżmu Maltija.”
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo saħaq kif beda proċess ta’ ħsieb profond li permezz tiegħu l- prodott turistiku Malti jiġi ddiviserifikat biex ikun attraenti għal l-esiġenzi tal-viżitaturi ta’ illum il-ġurnata.
Il-Ministru Bartolo qal li jekk wieħed iħares lejn l-ewwel riżultati ta’ Jannar għal din is-sena, jara l-akbar wasla ta’ turisti li qatt kien hemm fl-istess xahar, fejn anke kien hemm żieda fin-nefqa ġenerali, li qabżet is-17 fil-mija meta kkumparata mal-2019.
Il-Ministru Bartolo spjega “Dan kollu juri kemm hi tajba l-istarteġija tal-Awtorità maltija għat-Turiżmu, li qed tiġi implimentata flimkioen mal-Ministeru għat-Turiżmu, bl-ikbar suċċess hekk kif rajna li kellna l-aqwa Jannar, f’termini turistiċi f’dawn l-aħħar snin biex b’hekk naraw li r-riżultati ta’ din is-sena jkunu pożittivi u nkomplu nħarsu lejn iż-żmien li ġej.”
Il-prospetti għax-xhur li ġejjin jibqgħu pożittivi tant li, f’Ġunju li ġej, Malta mistennija tospita l-IPF World Classic Open Championship. avveniment sportiv li aħdu mistenni jiġġenera ‘l fuq minn 10,000 bed night fuq sebat ijiem.