Fl-ewwel trimestru ta’ din is-sena, jiġifieri bejn Jannar u Marzu, waslu f’pajjiżna ħamsa u għoxrin elf u mitejn passiġġier permezz tal-cruise liners.
Meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet, din is-sena kien hemm żieda ta’ aktar minn sbatax-il elf u mitejn turist tal-cruise liners.
Dan jirriżulta minn statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Iċ-ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li, fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, f’Malta daħlu tlieta u għoxrin cruise liner. Dan ifisser żieda ta’ erbatax-il cruise liner, meta mqabbel mal-perjodu bejn Jannar u Marzu tas-sena elfejn u wieħed u għoxrin.
Il-medja ta’ passiġġieri li daħlu f’Malta permezz tal-cruise liners kienet ta’ ftit iżjed minn elf passiġġier.
L-ikbar għadd ta’ passiġġieri tal-cruise liners ġew mill-Ġermanja, b’iżjed minn sebat elef ruħ. Warajhom ġew it-Taljani u l-Franċiżi.
Kollox ma’ kollox, minn fost il-passiġġieri kollha li ġew bil-cruise liners f’Malta, il-biċċa l-kbira kienu nisa. Jekk wieħed iħares lejn l-etajiet, l-aktar li ġew kienu jaqgħu fil-faxxa ta’ bejn l-erbgħin u d-disgħa u ħamsin sena; dawn kienu jammontaw għal iżjed minn tmint elef u tmien mija.