Sa tmiem Frar in-numru ta’ nies jaħdmu full time tela għal 175,200. Dan ifisser li mill-bidu ta’ din l-amministrazzjoni kien hemm żieda ta’ 19,788 impjieg full-time. Dan meta matul ħames snin tal-amministrazzjoni preċedenti t-tkabbir kien ta’ 11,250 impjieg full-time. Fi tliet snin l-impjiegi żdiedu darba u tliet kwarti ż-żieda f’5 snin sħaħ. Fl-ewwel tliet snin ta’ din l-amministrazzjoni kuljum żdiedu 18-il impjieg full-time. Din hija tliet darbiet ir-rata ta’ kreazzjoni ta’ xogħol osservata matul l-amministrazzjoni preċedenti.
Taħt din l-amministrazzjoni kienu s-servizzi privati li wrew l-akbar tkabbir. Tispikka żieda ta’ 3,300 impjieg fis-servizzi amministrattivi, madwar 1,900 fis-servizzi tekniċi u professjonali, 1,500 fis-servizzi finanzjarji u żieda ta’ 1,300 full-timer fl-informatika u l-kommunikazzjoni. Kien hemm ukoll tkabbir ta’ 1,400 impjieg fis-settur tal-bejgħ, 1,300 impjieg fil-lukandi u ristoranti u tkabbir ta’ 2,500 impjieg mas-settur tal-gaming u servizzi oħra. L-impjiegi fis-settur privat żdiedu b’360 fil-manifattura u b’700 fil-kostruzzjoni, żewg setturi li tul l-amministrazzjoni preċedenti fihom intilfu eluf ta’ postijiet tax-xogħol. Kien hemm ukoll tkabbir spettakolari fis-settur privat tas-saħħa u tal-edukazzjoni, b’żieda ta’ 1,600 impjieg full-time.
Mill-bidu tal-amministrazzjoni kien hemm żieda ta’ 16,922 persuna full-time mas-settur privat. Li jfisser li kważi 9 minn kull 10 impjieg ġdid ġew ikkreati fis-settur privat. Dan imur għal kollox kontra l-istqarrijiet tal-Oppożizzjoni li t-titjib fil-qasam tal-impjiegi ġej mis-settur pubbliku.
L-impjiegi fis-settur pubbliku huma 25.3% tal-impjiegi kollha full-time, meta fi tmiem l-amministrazzjoni preċedenti dawn kienu 26.7%. Altru milli żdiedet id-dipendenza fuq is-settur pubbliku, din filfatt naqset. Fl-istess ħin, il-Gvern ma naqasx li iżid ir-riżorsi f’setturi importanti fis-servizz pubbliku. Fost l-oħrajn mqabbel mal-bidu tal-amministrazzjoni illum hemm 1,500 persuna aktar taħdem fis-saħħa u fl-edukazzjoni pubblika. B’dan il-mod il-familji tagħna qed igawdu minn servizz tas-saħħa u edukazzjoni aħjar.
Fost l-aktar li gawdew mit-titjib fis-suq tax-xogħol kien hemm l-Għawdxin fejn kien hemm żieda ta’ aktar minn 1,000 impjieg full-time. Dan it-tkabbir fi ftit aktar minn nofs leġiżlatura huwa diġà d-doppju taż-żieda fl-impjiegi li kien hemm f’din il-gżira matul il-ħames snin tal-amministrazzjoni preċedenti.
Dawn ir-riżultati jikkonfermaw l-importanza tal-ħidma tal-Gvern fil-qasam tax-xogħol. Il-politika tal-Gvern qed twassal għal tkabbir ekonomiku li jissarraf f’bidla pożitiva fil-ħajja ta’ eluf ta’ persuni f’pajjiżna.