Fl-ewwel ħdax-il xahar ta’ din is-sena, id-dħul rikorrenti u anke n-nefqa tal-Gvern żdiedet meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra. Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Bejn Jannar u Novembru ta’ din is-sena, id-dħul rikurrenti tal-Gvern kien jammonta għal ħames biljuni u seba’ mitt miljun ewro. Din tfisser żieda ta’ aktar minn sitt mitt miljun ewro, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
Dan id-dħul rikurrenti żdied fuq is-sena ta’ qabel, minħabba li hawn aktar nies jaħdmu, li skont l-aħħar ċifri kien hemm tliet mitt elf persuna u l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja ta’ pajjiżna.
L-aktar żieda fid-dħul tal-Gvern kienet ġejja mit-Taxxa tad-Dħul, li bejn Jannar u Novembru ta’ din is-sena, kienet tgħodd għal aktar minn żewġ biljuni u mitejn miljun ewro. Kien hemm ukoll dħul aqwa mis-Sigurtà Soċjali u t-Taxxa fuq il-Valur Miżjud.
Skont iċ-ċifri tal-NSO, jirriżulta wkoll li n-nefqa rikurrenti kienet ta’ aktar minn ħames biljuni u mitejn miljun ewro. Din tfisser żieda ta’ aktar mitejn u għoxrin miljun ewro, meta mqabbel mal-ewwel ħdax-il xahar tas-sena l-oħra.
Dan filwaqt li, f’dan il-perjodu msemmi, jiġifieri bejn Jannar u Novembru ta’ din is-sena, il-Fond Konsolidat tal-Gvern irreġistra defiċit ta’ aktar minn tliet mitt miljun ewro.