In-numru tal-każijiet ta’ persuni nfettati bil-coronavirus fl-Ewropa kompla jikber, fejn fl-Italja n-numru qabeż l-għaxar t’elef.
Fl-Italja ġie rappurtat li hemm konfużjoni hekk kif il-pajjiż daħal fit-tieni jum ta’ lockdown.
F’Bologna, il-ħwienet fetħu xorta, hekk kif il-pajjiż kompla jara żieda qawwija fin-numru ta’ każijiet ta’ coronavirus.
L-irvellijiet f’ħabsijiet madwar il-pajjiż komplew hekk kif il-priġunieri qed jipprotestaw kontra restrizzjonijiet fuq il-viżitaturi.
Intant fil-Ġermanja ġiet irreġistrata t-tielet mewt ta’ persuna infettata bil-coronavirus.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kanċillier Angela Merkel ma qagħditx togħmodha u sostniet li sa sebgħin fil-mija tal-poplu Ġermaniż jista’ jiġi nfettat bil-virus.
Intant fl-Amerka n-numru tal-każijiet ukoll spara ‘l fuq fejn issa fil-pajjiż hemm ikkonfermati mal-elf każ.
Fl-Università ta’ Dayton fl-istat ta’ Ohio, kien hemm ġlied bejn l-istudenti u l-awtoritajiet wara li l-istudenti ntalbu joħorġu mid-dormitorji wara miżuri li ttieħdu kontra t-tixrid tal-coronavirus.
Intant iċ-Ċina waslet biex tiddikjara rebħa fuq il-coronavirus.
Sigħat wara li l-President Ċiniż Xi Jinping żar il-belt ta’ Wuhan, il-qalba tat-tifqiegħa tal-coronavirus, fiċ-Ċina ġew irreġistrati l-inqas numru ta’ każijiet sa minn Diċembru.
Intant f’Beijing, persuni li jaslu minn titjiriet barra l-pajjiż qed jiġu mitluba li jagħmlu kwarantina.
Fir-Renju Unit, il-Ministru għas-Saħħa Nadine Dorries hija fost dawk infettati bil-coronavirus fil-pajjiż, fejn in-numru tela’ għal erba’ mija u ħamsa u sittin.