Iċ-ċentru interattiv tax-xjenza, l-Esplora, se jkun qiegħed jiftaħ il-bibien tiegħu waqt il-btajjel tal-Għid bl-avveniment ‘Spring Into Science’.
Id-dettalji dwar dan l-avveniment tħabbru mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, u l-Kap tal-Esplora, Olaf McKay, fil-preżenza taċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Tonio Portughese.
Matul dan l-avveniment, li se jsir bejn it-2 ta’ April u s-7 ta’ April li ġejjin, il-viżitaturi se jkollhom l-opportunità li jieħdu sehem f’diversi attivitajiet relatati max-xjenza bit-tema tal-Għid. Dawn jinkludu workshops u attivitajiet, bħal egg hunt madwar l-Esplora.
Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti enfasizza l-importanza li jittellgħu avvenimenti bħal dawn.
Qal, “Staġun ġdid, ir-rebbiegħa, attivitajiet ġodda fil-bini tal-Esplora fejn qed inkomplu bit-tagħlim tax-Xjenza, t-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika fejn qed jiġu kkumbinati anke attivtajiet relatati mal-Għid il-Kbir.”
Il-Kap tal-Esplora spjega li, għal dan l-avveniment, se jiġi applikat l-għarfien tax-xjenza biex jittellgħu attivitajiet divertenti għal waqt il-btajjel tal-Għid.
Semma wkoll li l-viżitaturi se jkollhom l-opportunità li jipparteċipaw f’attività biex isolvu kunċetti abbinati mas-suġġetti tax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika, fil-qasir STEM.
Qal, “Waqt li jkunu qed jieħdu pjaċir u jqattgħu ħin ta’ kwalità, jitgħallmu xi ħaġa wkoll waqt dawn il-vaganzi tal-Għid. Se nkunu miftuħin bejn it-2 u s-7 ta’ April bejn l-10:00 ta’ filgħodu u l-5:00 ta’ filgħaxija hawnhekk fl-Esplora waqt il-vaganzi tal-Għid.”