Fil-votazzjoni bikrija tas-Sibt ivvotaw kważi 88% ta’ dawk li rreġistraw biex jivvotaw ġimgħa qabel l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju. Dan tħabbar fi stqarrija mill-Kummissjoni Elettorali, il-Ħadd filgħodu.
Fil-votazzjoni bikrija fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ivvotaw 14,041 minn total ta’ 15,979 li rreġistraw biex jivvotaw fil-votazzjoni tas-Sibt.
Dan filwaqt li fil-votazzjoni bikrija fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali vvotaw 14,163 minn total ta’ 16,135 li rreġistraw biex ivvotaw fil-votazzjoni bikrija.
Il-votazzjoni bikrija fil-jum tas-Sibt saret bejn is-sebgħa ta’ filgħodu u l-għaxra ta’ filgħaxija, u fiha vvotaw dawk li fit-tmienja ta’ Ġunju, se jkunu msiefrin jew se jkollhom intervent mediku.
Il-votazzjoni tkompli nhar il-Ħamis 6 ta’ Ġunju għal dawk li se jkunu fl-isptarijiet. Waqt li naturalment l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali se jsiru nhar is-Sibt 8 ta’ Ġunju.