Wara li l-istat ta’ Victoria fl-Awstralja kellu battalji kbar biex jikontrolla n-nirien, issa bassara tat-temp qed iwissu li maltempati kbar jistgħu jwasslu għall-għargħar.
Ix-xita għenet biex jitaffu ftit in-nirien, iżda anke wasslet għal qtugħ fil-provista tad-dawl kif ukoll ingħalqu bosta toroq. Il-maltemp huwa mistenni li jibqa’ jippersisti għal tliet ijiem sħaħ.
Il-Gvern Awstraljan ħabbar li se jkun qed joffri pakkett ta’ finanzi biex jgħin l-industrija tat-turiżmu tirkupra minn dan id-diżastru. Il-Prim Ministru Awstraljan Scott Morrison qal li l-fondi, li jleħħqu mas-76 miljun dollaru Awstraljan, se jintużaw għan-negozji milquta. Morrison qal li s-settur turistiku Awstraljan qed jaffaċċja fost l-agħar sfida tiegħu fl-istorja.
Il-Kunsill għall-Industrija tat-Turiżmu Awstraljan ikkalkula li d-danni fl-industrija s’issa jammontaw għal biljun dollaru Awstraljan.