Iċ-ċkejkna Awstraljana ta’ erba’ snin instabet qawwija u sħiħa wara li kienet ilha 18-il jum mitlufa f’parti remota fil-Punent tal-Awstralja.
Hija nstabet f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba msakkra f’dar li tinsab minuti ’l bogħod mid-dar tal-ġenituri tagħha.
Cleo Smith kienet sparixxiet minn kamp waqt li kienet mal-familja tagħha nhar is-16 ta’ Ottubru.
Dan l-għajbien wassal għal tfittxija kbira fl-inħawi wara anke appelli mqanqla mill-ġenituri tagħha biex isibu lil binthom.
Bħalissa, l-pulizija Awstraljana qed tkellem persuna ta’ 36 sena, madanakollu għadu ma sar l-ebda arrest.